MEUSAC
Patt Favur l-Ambjent Tagħna

Diversi studji juru li t-tniġġis fl-arja jista’ jwassal għal 400,000 mewt prematura fis-sena, waqt li ż-żieda fit-temperaturi globali twassal għal 90,000 mewt oħra fis-sena. Hemm ukoll impatti ekonomiċi, b’negozji madwar id-dinja meqjusa li jitilfu madwar €190 biljun fis-sena.

Dawn l-aħħar snin kienu kkaratterizzati minn impatti negattivi fuq l-ambjent ta’ madwarna u qed dejjem jiżied il-bżonn urġenti li tittieħed azzjoni sabiex niġġieldu kontra t-tibdil fil-klima kemm fuq livell nazzjonali u kemm permezz ta’ koperazzjoni internazzjonali.

L-Unjoni Ewropea minn dejjem kienet fuq quddiem fil-ġlieda globali kontra t-tibdil fil-klima u b’mod konsistenti tefgħet importanza sinifikanti f’politika sostennibli u nadifa. Bil-bidla riċenti fil-Kummissjoni Ewropea, issa taħt it-tmexxija ta’ Ursula von der Leyen, ix-xogħol lejn futur sostenibbli ser ikompli jissaħħaħ.

Fl-ewwel ġranet ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea ġdida, beda x-xogħol fuq il-Patt Ekoloġiku Ewropew. Dan il-patt hu mmirat sabiex joħloq ekonomija Ewropea effiċjenti u kompetittiva li tħares is-sostenibbiltà ambjentali.

Dan il-Patt hu importanti ferm sabiex jintlaħqu l-miri tan-Nazzjonijiet Uniti għal Żvilupp Sostenibbli. Madankollu, l-Unjoni Ewropea qed taħres lil hinn minn dawn il-miri, bil-għan li sas-sena 2050, l-ekonomija Ewropea tilħaq newtralità tal-karbonju. Dan ifisser li attivitajiet ekonomiċi ma jwasslux għal żieda fl-emissjonijiet, u għalhekk ma jkunx hemm żieda fit-temperaturi globali.

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jistabbilixxi l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea f’numru ta’ miżuri f’setturi differenti. Dawn jinkludu l-użu ta’ enerġija nadifa, mobilità sostenibbli, iktar effiċjenza fl-industrija tal-ikel, kif ukoll iktar riċerka u innovazzjoni biex l-ekonomija ssir aktar ekoloġika. L-aspett ambjentali hu preżenti fis-setturi kollha tal-ekonomija u jirrikjedi azzjoni sabiex id-dinja tagħna tkun protetta qabel ma jkun tard wisq.

Dawn l-għanijiet kollha ser ikunu qed jintlaħqu permezz ta’ diversi politiki differenti li ser ikunu qed jiġu proposti mill-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll proposti għat-tisħiħ ta’ politiki eżistenti. Fost dawn, hemm il-bżonn li jkun hemm titjib fl-istrateġija kontra l-plastik, kif ukoll fil-pjan ta’ azzjoni favur l-ekonomija ċirkolari. Fl-istess waqt, hemm il-ħsieb li tiġi introdotta liġi dwar il-klima, bil-għan li tassigura li l-inizjattivi kollha tal-Unjoni Ewropea jżommu l-objettiv tan-newtralità tal-klima fiċ-ċentru tal-leġiżlazzjoni. Madankollu, il-ħidma favur l-ambjent u kontra t-tibdil fil-klima mhux ser issir akkost tat-tkabbir ekonomiku, imma ser tfittex bilanċ li jkompli jtejjeb il-kompetittività ekonomika globali waqt li jħares id-dinja li ngħixu fiha.

Jekk ma titteħidx azzjoni llum qabel għada, il-konsegwenzi jkunu sinifikanti.

Fl-aħħar mill-aħħar, iktar ma nistennew, iktar issir diffiċli sabiex nilħqu l-għanijiet ambjentali u nimmitigaw l-effetti tat-tibdil fil-klima. Fl-istess waqt, l-isforzi neċessarji jsiru iktar diffiċli f’termini ta’ implimentazzjoni u għalhekk hemm bżonn li ċ-ċittadini u n-negozji kollha jagħmlu l-almu tagħhom sabiex iħarsu d-dinja ta’ madwarhom.

Dan it-tagħrif ġie miġjub minn;

 

 

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Tibda l-ġimgħa li twassal biex jitla’ s-siparju fuq waħda mill-eqdem ċelebrazzjonijiet f’Malta . . . il-Karnival. Il-karru ewlieni, li juri r-Re tal-Karnival, ser ikun sar mill-istess idejn li ħadmu fuq…

Lokali

“Sunrise” – a socio contemporary comedy and monologue has opened. Humorous at times, this production is being staged at a theatre in Valletta. Described by The Guardian UK as an…

Lokali

Għoxrin sena mit-twaqqif tal-Fondazzjoni Kreattività qed jiġu ċċelebrati b’diversi proġetti fl-Ispazju Kreattiv il-Belt kif ukoll bi pjani biex ikompli jissaħħaħ il-qasam tal-kreattività. Matul din is-sena qed jitfakkar l-20 sena mit-twaqqif…

Saħħa

L-Awtoritajiet Maltin qed iżommu fi kwarantina l-koppja Maltija li kienet abbord il-MS Westerdam li fuqu kien hemm każ suspettat ta’ coronavirus. Il-cruiseliner, li kien qed iġorr elfejn passiġier fosthom il-koppja…

Aktar