Lokali
Paul Apap Bologna jgħid li 10% tal-ishma tal-kumpanija GEM ingħataw lil Yorgen Fenech

Il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi kompla jeżamina r-rapport tal-Awditur Ġenerali fuq il-kuntratt tal-Electrogass bix-xhud ewlieni jkun is-sid ta’ CP Holdings Paul Apap Bologna li għandha sehem ta’ 21% fil-kumpanija GEM li tifforma parti mill-konsorzju tal-Electrogas.

Is-Sur Apap Bologna kien akkumpanjat mill-Avukat Giannella Demarco li mill-ewwel iddikjarat li l-klijent tagħha ma kienx se jwieġeb għal mistoqsijiet li ma kellhomx x’jaqsmu mal-proġett.

Hija kkontestat li l-Kumitat Parlamentari ma kellux dritt isaqsi dwar affarijiet barra mill-iskop li għalih twaqqaf. Għalhekk hija oġġezzjonat li jwieġeb dwar kumpaniji oħra tas-Sur Apap Bologna.

L-avukat Demarco qalet li d-dritt għas-silenzju huwa rikonoxxut taħt standards internazzjonali u sostniet li l-Kumitat għandu josserva l-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea.

Is-Sur Apap Bologna qal li s-sehem tiegħu fil-kumpanija GEM niżel għal 21% minħabba li l-kapital maħruġ kiber u ma setax ilaħħaq ma’ dan l-iżvilupp.

Huwa qal li 10% tal-ishma fil-kumpanija GEM ingħataw lis-sur Yorgen Fenech permezz tal-kumpanija tiegħu New Energy għax hu kien qed jaħdem fuq il-proġett u jmexxih ‘il quddiem kif ġie iffirmat fil-ftehim dwar dan, li qal se jippreżenta lill-Kumitat.

Qal li Yorgen Fenech kien ir-rappreżentant Malti fil-konsorzju li kien jinkludi ukoll lil GasOil, is-Siemens u s-Socar.

Il-kelliem fisser li l-ewwel proposta għal power station li taħdem bil-gass għamilha huwa fl-2006 u ppreżentaha lill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Lawrence Gonzi. Qal li kien iltaqa’ mal-Ministri John Dalli, Austin Gatt u Gorg Pulicino. Qal li power station bil-gass kien jagħmel ħafna sens minħabba r-rati għolja tal-elettriku u t-tniggiż bil-heavy fuel oil.

Qal li l-Gvern ta’ dak iż-żmien mar għal power station tal-BWSC u reġa’ tħajjar imexxi l-proposta ‘l quddiem wara l-istqarrija pubblika tal-Partit Laburista qabel l-elezzjoni tal-2013. Qal li kien iltaqa’ mal-ex Prim Ministru Joseph Muscat soċjalment u ħadd ma introduċih fuq il-proġett. Qal li l-proġett ma kienx diskuss qabel l-elezzjoni tal-2013. Kien tkellem dwar il-proposta tiegħu ma’ missier Yorgen Fenech is-Sur George Fenech u mas-Sur Gasan.

Is-Sur Apap Bologna qal li meta ħarġet l-esprezzjoni ta’ interess bdew kuntatti ma’ kumpanija internazzjonali fosthom Rolls Royce, Mitsui, Siemens u Gas Oil.

Mistoqsi minn membri tal-Oppożizzjoni dwar qattx ingħata rigali mis-Sur Fenech qal li skambjaw fliexken tal-inbid fil-birthdays u iddiskrieva lil Yorgen Fenech bħala ġeneruż. L-avukat Demarco hawnhekk staqsiet x’kellu x’jaqsam flixkun inbid Petrus mal-kuntratt tal-Electrogas.

Is-Sur Apap Bologna ma weġibx dwar meta kkomunika l-aħħar ma’ Yorgen Fenech. Qal li huwa ma kienx parti mit-tim tan-negozjati. Huwa qal li b’madwar sitt miljun ewro li l-kumpanija GEM daħħlet mill-proġett reġgħu ġew investiti fl-istess proġett.