Lokali
“Pawlu Mizzi ħabbeb lill-poplu Malti mal-ktieb Malti”

Fil-Mużew il-Ħaġar fi Pjazza San Ġorġ Għawdex infetħet wirja li tonora lill-pubblikatur Pawlu Mizzi li miet f’Awwissu tas-sena l-oħra. Fl-okkażjoni tal-ftuħ ta’ din il-wirja, il-kuratur tal-Mużew u wkoll ħabib personali ta’ Pawlu Mizzi, ir-Reverendu Dr Ġużepp Farrugia, qal li wieħed ma jistax jimmaġina lil Għawdex tas-seklu għoxrin mingħajr il-preżenza ta’ Pawlu Mizzi.

Magħruf bħala Missier il-Ktieb Malti, il-pubblikatur Pawlu Mizzi jibqa’ mfakkar għall-kontribut kbir li ta lill-pubblikazzjonijiet tal-kotba Maltin. F’dawn il-jiem fil-Mużew il-Ħaġar, fi Pjazza San Ġorġ Għawdex, infetħet wirja biex tonora lil Pawlu Mizzi li miet f’Awwissu tas-sena l-oħra fl-età ta’ 89 sena. Pawlu Mizzi kien jgħallem f’diversi skejjel kemm tal-Gvern u wkoll privati għal 20 sena qabel ma sar assistent librar. Kien ukoll il-korrispondent ta’ Għawdex għat-Times of Malta mill-1948 sal-1962. Jibqa’ mfakkar ukoll bħala l-fundatur ta’ Klabb Kotba Maltin fl-1970 u wara Midsea Books.

Mill-Qalb t’Għawdex għar-ruħ tal-Letteratura Maltija huwa l-isem ta’ din il-wirja li fiha diversi ritratti u kwotazzjonijiet li jinsabu f’pubblikazzjonijiet bilingwi.

Fil-wirja hemm ukoll firxa ta’ dokumenti u oġġetti marbuta ma’ ħajjet Pawlu Mizzi u qed jintwera wkoll programm televisiv dwaru. Fl-okkażjoni tal-ftuħ ta’ din il-wirja, il-kuratur tal-Mużew u wkoll ħabib personali ta’ Pawlu Mizzi, ir-Reverendu Dr Ġużepp Farrugia qal li Pawlu Mizzi, imwieled Għawdex, kien wieħed mill-persunaġġi l-iktar importanti tas-seklu għoxrin fil-gżira Għawdxija.

“Kien bniedem li jidentifika ruħu maż-żgħir, jiġifieri man-nies tas-suq, iservi lil dawk in-nies, irid jerfagħhom u fl-istess ħin sar wieħed mill-personalitajiet l-iktar eminenti tal-gżira tagħna. Illum ma nistgħux nitkellmu minn Għawdex tas-seklu għoxrin mingħajr ma nsemmu lil Pawlu Mizzi jiġifieri Pawlu Mizzi flimkien ma’ oħrajn bħal Ġorġ Pisani, is-surmast Joseph Vella, ta definizzjoni ġdida għal kunċett ta’ Għawdex…..Kien hu li ħabbeb lill-poplu Malti mal-ktieb Malti.”

Preżenti għal din il-wirja kien hemm diversi qraba u ħbieb ta’ Pawlu Mizzi u l-armla, Maria Mizzi, kixfet l-irħama ta’ tifkira ta’ din il-wirja. Minbarra din il-wirja li tfakkar lill-pubblikatur Pawlu Mizzi, hemm ukoll preżentazzjonijiet dwar il-kitbiet awtobijografiċi tas-sur Mizzi. Il-wirja tibqa’ miftuħa sal-25 ta’ Awwissu.