COVID-19
Pazjenta li kienet rikoverata f’Mater Dei minħabba ksur joħroġilha l-Coronavirus

Fost it-tmien każijiet ġodda ta’ Coronavirus imħabbra llum, hemm mara ta’ 59 sena li kienet rikoverata f’Mater Dei minħabba ksur.

Il-mara hija Ingliża li tgħix f’Malta li ma kinitx siefret, pero fil-5 ta’ Marzu daħlet Mater Dei minħabba ksur, u fit-13 ta’ Marzu ħarġulha sintomi respiratorji, u wara li ġiet ittestjata għal Covid-19 irriżultat fil-pożittiv.

Waqt konferenza stampa llum, is-Superintendent tas-Saħħa Pubblika, Prof Charmaine Gauci, qalet li bdew bl-investigazzjoni biex jifhmu minn fejn ġie l-kuntatt. Il-pazjenta ttieħdet fl-IDU, kif ukoll il-pazjenti li kienu fil-kamra magħha, u s-sala ngħalqet u qed tinżamm magħluqa.

Ġie investigat ukoll l-istaff li seta’ kellu kuntatt magħha u qed jinżammu fi kwarantina. Qed jiġu kkuntattjati wkoll pazjenti oħra li kienu f’din is-sala u li seta’ kellhom kuntatt magħha.

Intqal li din il-mara kellha kuntatt qasir ma’ healthcare worker li rriżulta pożittiv, iżda l-kuntatt kien qasir ħafna u mhux suppost li l-virus ittieħed skont l-ECDC.

S’issa hemm erba’ każijiet ta’ trażmissjoni lokali.