Lokali
Pellegrinaġġ penitenzjali jagħti indulġenza plenarja lil min jieħu sehem fih

Il-Ħadd li ġej fl-ewwel Ħadd tar-Randan se jsir il-pellegrinaġġ penitenzjali ta’ Ħadd in-Nies f’Ħaż-Żabbar u għall-ewwel darba kull min se jieħu sehem fih se jkun jista’ jikseb l-indulġenza plenarja – jiġifieri ħelsien mit-tpattija għad-dnubiet – skont għadd ta’ kundizzjonijiet.

F’Ras ir-Randan, fis-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar TVM lemaħ xi lajċi għarkubbtejhom quddiem il-kurċifiss bi sfond vjola fil-bidu tal-erbgħin jum ta’ talb u penitenza bi tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien mill-mewt ta’ Ġesu Kristu.

L-Arċipriet ta’ Ħaż-Żabbar, Dun Evan Caruana qal li r-Randan għandu jkun ukoll esperjenza ta’ altruwiżmu kif ħeġġeġ il-Papa Franġisku.

L-Arċipriet ta’ Ħaż-Żabbar Dun Evan Caruana qal ”kemm nixtieq li l-għoti tal-karità jsir ħajja sinjal ġenwin stil ta’ ħajja ta’ kull nisrani li l-bniedem dak li għandu u jipposjedi mhux tiegħu assolutament kollu kemm hu imma għandu jaqsmu ma’ ħaddieħor – il-ġid, il-ħin u t-talenti u l-ħiliet tagħna.”

Matul ir-Randan, il-Knisja tħeġġeġ lill-insara biex jaqraw il-Kelma ta’ Alla, jieħdu sehem fis-Sagramenti u jattendu l-eżerċizzi spiritwali. F’Ras ir-Randan u l-Ġimgħa l-Kbira, kull nisrani adult għandu d-dmir li jsum u kull min għalaq l-14-il sena għandu l-obbligu li jastjeni milli jiekol laħam jew ikel ieħor li jogħġbu ħafna.”

F’Ħaż-Żabbar għadha ħajja t-tradizzjoni tal-pellegrinaġġi ta’ penitenza u ringrazzjament lil Alla.

Dun Evan Caruana qal “il-pellegrinaġġ ifisser mixja, il-bniedem jaf li postu mhux hawn għal dejjem, aħna dejjem miexjin lejn dar missierna mit-twelid sat-tmiem u l-pellegrinaġġ ifisser li inti qed timxi flimkien ma’ Ġesu jew ma’ Marija, għalhekk isiru l-Via Crucis jew talb marjan għax wieħed qed jimxi biex jilħaq l-għan tiegħu.”

Il-Ħadd li ġej f’Ħaż-Żabbar se jsir il-pellegrinaġġ penitenzjali djoċesan ta’ Ħadd in-Nies bil-vara devota tal-Madonna tal-Grazzja li attirat l-interess ta’ kważi mitt persuna, ħafna minnhom żgħażagħ biex ikunu fost ir-reffiegħa tul ir-rotta li tgħaddi miż-żewġ żoni ewlenin ta’ din il-belt, il-Biċċieni u l-Misraħ.

Għall-ewwel darba f’Ħadd in-Nies, kull min se jieħu sehem f’dan il-pellegrinaġġ li se jitmexxa mill-Arċisqof Emeritus, Monsinjur Pawl Cremona se jingħata l-indulġenza plenarja li tfisser li kull persuna tkun meħlusa mit-tpattija għad-dnubiet tagħha. L-indulġenza se tingħata wara talba formali lill-Vatikan u l-persuni li se jirċevuha jridu jkunu tassew niedma mid-dnubiethom.

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Eks-kuntistabbli tal-Pulizija, Jean Pierre Abdilla, li qed iservi sentenza ta’ 16-il sena ħabs fuq akkużi relatati mad-droga, ingħata €5,000 bħala kumpens morali mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem minħabba l-kundizzjonijiet xejn tajbin…

Saħħa

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca bdiet żjara fi sptarijiet f’Londra fejn pazjenti Maltin imorru għall-kura. B’kollox se żżur seba’ sptarijiet u tliet residenzi li fihom joqogħdu pazjenti u qrabathom….

Knisja Maltija

Pittura tal-Kardinal Malti Prospero Grech ingħaqdet mal-kollezzjoni tal-arti fil-Mużew tal-Katidral fl-Imdina. Il-pittura saret mill-artista Filippa Bianchi wara li studjat il-karattru tal-kardinal u semgħet mingħandu l-mod kif xtaq li tinħoloq ix-xbieha…

Unjoni Ewropea

Il-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar il-Kriminalità Finanzjajra u l-Evażjoni tat-Taxxa jrid li l-istati membri tal-Unjoni Ewropea jżarmaw il-programmi tagħhom li bihom jagħtu ċittadinanza jew residenza b’investiment. F’abbozz ta’ rapport imħejji mill-kumitat…

Aktar