Lokali
Periti Maltin jingħaqdu bi proposta għal afforestazzjoni aggressiva għall‑Gżejjer Maltin

Grupp ta’ periti u inġiniera nedew proposta ta’ afforestazzjoni għall‑Gżejjer Maltin. Il‑proposta ‘Help Malta Breathe’, li tnediet permezz ta’ filmat fuq il‑midja soċjali, juri l‑kunċett ta’ siġar indiġeni mħawla f’postijiet madwar Malta u Għawdex.

L‑ewwel post identifikat mill‑grupp, magħmul minn 24 kumpanija ta’ periti, hu fil‑park nazzjonali tal‑Inwadar li jibda miż‑Żonqor ta’ Marsaskala u jibqa’ sejjer sax‑Xgħajra.

Is‑sit maħsub għall‑afforestazzjoni jkopri 315,000 metru kwadru. Fil‑biċċa l‑kbira hu magħmul minn għelieqi mitluqin, kosta mimsusa u diġà għandu sistemi ta’ irrigazzjoni b’ilma ġej mill‑impjant tad‑dranaġġ Ta’ Barkat, li jinsab f’tarf is‑sit.

Il‑proposta tippreżenta filmati attwali meħudin bid‑drone tas‑sit propost fil‑park nazzjonali tal‑Inwadar kif ukoll interpretazzjoni ta’ kif jiġi jidher l‑istess sit f’20 sena jekk tgħaddi l‑proposta ta’ afforestazzjoni, li tinkludi t‑tħawwil ta’ aktar minn 40,000 siġra f’din iż‑żona.

Il‑filmat isemmi r‑raġunijiet ewlenin għaliex Malta teħtieġ iktar imsaġar b’mod iddisprat. Dawn jinkludu il‑purifikazzjoni tal‑arja, il‑ħolqien ta’ iktar spazji rikreattivi naturali, il‑bilanċ għall‑iżvilupp żejjed, u t‑tnaqqis tat‑temperatura tal‑Gżejjer li sseħħ b’mod naturali grazzi għas‑siġar permezz tat‑traspirazzjoni, li tammonta għal madwar 10% tal‑umdità fl‑atmosfera tad‑dinja.

L‑afforestazzjoni mhix kunċett ġdid għall‑Gżejjer Maltin. Fl‑1960 kien twettaq b’suċċess proġett ta’ afforestazzjoni fil‑limiti tal‑Miżieb tal‑Manikata fil‑Mellieħa, li llum hu l‑akbar bosk ta’ Malta li jkopri 650,000 metru kwadru. U jekk tmur lura iktar fiż‑żmien, il‑Buskett ukoll kien proġett ta’ afforestazzjoni magħmul mill‑Kavallieri ta’ Malta.

Il‑preżentazzjoni tispjega wkoll il‑metodu li ntuża fis‑sittinijiet fil‑Miżieb, fejn tħaffru toqob fil‑blat, imtlew bil‑ħamrija u tħawlu x‑xtieli. Ir‑riżultat kien li llum għandna wieħed mill‑ikbar boskijiet f’Malta.

“Napprezzaw li bħalissa jidher li hemm sforz biex jitħawlu siġar madwar Malta u Għawdex, madankollu nħossu li sakemm ma ssirx xi ħaġa aggressiva malajr kemm jista’ jkun, gżiritna se ssir deżert sakemm uliedna jikbru,” qal il‑Perit Nicholas Mallia, sieħeb f’Periti Studio.

“Obbligati lejna nfusna u lejn il‑ġenerazzjonijiet futuri li nieħdu azzjoni issa għax iktar ma jgħaddi ż‑żmien iktar se ssir diffiċli biex nindirizzaw dil‑problema”. Il‑Perit Mallia żied li l‑proġett ta’ afforestazzjoni jrid isir bi pjan li dejjem ikun hemm ilma għat‑tisqija disponibbli.

Is‑sit hu l‑ewwel wieħed minn numru ta’ nħawi li l‑periti identifikaw. L‑intenzjoni tagħhom huma li jipproponu proġetti ta’ afforestazzjoni simili f’Baħar iċ‑Ċagħaq, in‑Naxxar, San Ġwann, il‑Mellieħa u Għawdex fost oħrajn.

Il‑perit temm jgħid: “Irridu nibdew id‑diskussjoni dwar kif se nassiguraw li Malta tibqa’ spazju abitabbli għal uliedna u wlied uliedna billi noħolqu bosta żoni densi ta’ boskijiet indiġeni li inevitabbilment iwasslu għal kwalità ta’ ħajja aħjar.

Hu proġett ambizzjuż iżda meħtieġ. Is‑siġar huma wieħed mill‑aktar elementi importanti għal ambjent b’saħħtu, jarmu l‑ossiġnu, isostnu l‑ħajja selvaġġa u ġie ppruvat xjentifikament li jtejbu s‑saħħa mentali tan‑nies.”