Xogħol
Permess temporanju ġdid biex ħaddiema barranin jaħdmu minnufih f’Malta

Minn nhar it-Tnejn se jidħol fis-seħħ permess temporanju li jawtorizza lill-ħaddiema barranin biex jibdew jaħdmu b’mod immedjat ġaladarba jkollhom it-talba tagħhom għall-single permit milqugħa.

Fi stqarrija maħruġa mis-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi ntqal li wara li l-applikant idaħħal id-dokumenti finali, jittieħdulu l-biometrics u l-employer jinnotifika lill-Jobsplus bl-impjieg tiegħu, l-applikant jkun jista’ jibda jaħdem minnufih u mingħajr ma joqgħod jistenna ġimgħat qabel jinħariġlu d-dokument finali.

Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli waqt laqgħa li kellha ma’ numru ta’ msieħba soċjali.  Hija spjegat kif din il-miżura li qed tidħol fis-seħħ mill-aġenzija Identity Malta qed tkompli tissimplifika l-proċessi tagħha mingħajr ma jiġu mittiefsa l-kontrolli ta’ sigurtà.

Fl-istqarrija ntqal li l-verifiki mill-Pulizija u l-Jobsplus ikunu saru qabel mal-applikant ikun innotifikat bid-deċiżjoni meta jkun għadu barra mill-pajjiż. Fl-eventwalità li r-rekwiżiti stipulati ma jkunux onorati, il-proċess jitwaqqaf immedjatament. Barra minn hekk dan il-permess temporanju mhux validu għas-safar.

Is-Sinjura Farrugia Portelli saħqet, kif permezz ta’ din il-proċedura ġdida, filwaqt li ser tkompli tittaffa l-pressjoni fuq is-suq tax-xogħol, ser tonqos il-possibbiltà li dawn il-ħaddiema jaħdmu mingħajr l-awtorizazzjoni neċessarja.  Intqal ukoll li dan il-pass se jkun qed isaħħaħ l-id operattiva ta’ Identity Malta sabiex din tkun tista’ tilqa’ aħjar għad-domanda tal-ekonomija u l-bżonnijiet tan-nies.

Aħbarijiet Oħra
Temp

L-uffiċċju meterjoloġiku qed ibassar riħ qawwi ħafna għal għada l-Ħadd 24 ta’ Frar. Jidher li r-riħ se jilħaq il-qawwa ta’ riefnu (forza 8-9) mal-jum ta’ għada. It-temp mistenni jkun imsaħħab…

Kronaka

Persuna ġarrbet xi ġrieħi wara li kienet involuta f’inċident fuq il-baħar fl-inħawi ta’ Fra Ben, fil-Qawra. Il-każ seħħ għall-ħabta tat-3.00 ta’ waranofsinhar. TVM infurmat li fil-ħin tal-inċident il-persuna kienet fil-baħar…

Politika

Il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Kristy Debono, qalet li l-Partit Nazzjonalista kien u se jibqa’ t-tarka tal-poplu u tal-pajjiż kollu waqt li se jsaħħaħ il-ħidma favur il-pajjiż. Fi tmiem it-tielet…

Aktar