Barranin
Personalità Ingliża mkeċċija mill-Awstralja talli kisret ir-regoli tal-Covid

Katie Hopkins, personalità televiżiva Ingliża, ġiet iddeportata mill-Awstralja wara li fuq il-midja soċjali ftaħret li kisret ir-regolamenti tal-Covid-19.

Hopkins, li fir-Renju Unit hija magħrufa bħala opinjonista b’fehmiet tal-lemin estrem, kienet fl-Awstralja biex tieħu sehem fil-programm Big Brother Australia.

Hija tellgħet filmat mil-lukanda li kienet fiha f’Sydney, fejn waqqgħet għaż-żufjett ir-riskju li jieħdu l-frontliners u qalet li qed tistenna bil-ħerqa l-ħaddiema tal-lukanda biex iġibulha l-ikel ħalli tiftaħ il-bieb għarwiena u mingħajr maskra.

Fl-istess filmat Hopkins sejħet il-lockdowns bħala l-ikbar ħrafa fl-istorja. Sydney u Melbourne it-tnejn jinsabu taħt lockdown bħalissa.

Il-Gvern Awstraljan qal li kkanċella l-visa ta’ Hopkins, wara li din tkeċċiet ukoll mir-‘reality show’ li kellha tieħu sehem fiha.

Il-Ministru għall-Intern, Karen Andrews, qalet li l-Gvern se jkeċċi lil Hopkins mill-pajjiż mill-iktar fis possibbli, u li personalment tinsab kuntenta li se taraha titlaq.