Lokali
‘Ħadt gost nitkellem miegħu’ – Naomi fi tmiem ġurnata mal-Prim Ministru

Lejlet il-Jum Internazzjonali għall-Persuni b’Diżabilità, Naomi Pace Gasan, tfajla ta’ dsatax-il sena bid-Down’s Syndrome, qattgħet il-ġurnata mal-Prim Ministru.

Bejn impenn u ieħor fosthom diversi laqgħat . . . qabel ma attendiet għal seduta parlamentari, Naomi stqarret li għalkemm kienet ġurnata impenjativa u twila – ħadet ġost.

”Ħadt gost nitkellem miegħu.”

Naomi tattendi ċ-Ċentru ta’ Riżorsi fil-Wardija, u tħobb tivvjaġġa, tiżfen u ssegwi sensiliet Maltin. Il-Prim Ministru Robert Abela qal li Naomi stqarret miegħu x-xewqa li għandha: li taħdem.

”It-tweġiba tiegħi lilha kienet mhux tixtieq taħdem imma inti trid taħdem u se jkollok kull opportunità biex taħdem u l-esperjenza li kelli magħha llum kienet ta’ ġurnata fejn verament qagħdna niddiskutu flimkien, tgħallimna mill-esperjenzi ta’ xulxin u nistqarr li kienet waħda mill-isbaħ ġranet f’dawn l-aħħar xhur fejn ħarist lejn il-ġurnata b’entużjeżmu u nixtieq li jkun hemm iżjed minn dawn il-ġranet però fuq kollox li nemmnu b’persuni b’diżabilità – li nagħtuhom kull opportunità verament għandhom x’joffru fis-soċjetà tagħna.”

Fil-Parlament, Naomi ntlaqgħat miż-żewġ naħat tal-kamra. Il-Prim Ministru rringrazzjaha u qal li issa laqa’ l-istedina tagħha biex iqatta’ ġurnata magħha fl-iskola fejn tattendi. Min-naħa tiegħu, il-whip tal-oppożizzjoni, Robert Cutajar, qal li din l-inizjattiva tibgħat messaġġ lis-soċjetà f’qasam li dwaru hemm kunsens.

Wieħed mill-impenji ta’ Naomi mal-Prim Ministru kienet l-inawgurazzjoni ta’ ċentru ġdid ta’ negozju tal-grupp AX fil-Mosta li għalih il-grupp investa 6 miljun ewro. Dr Abela kkummenta li l-investiment mis-settur privat jqawwilu qalbu biex il-gvern ikompli jrodd din il-ħidma f’aktar fiduċja u inċentivi li jsaħħu l-investiment f’Malta.