Ambjent
Persuna għall-Qorti talli rmiet skart tal-bini ħdejn it-Torri tal-Għallis

Il-Pulizija mistennija tressaq l-Qorti persuna li fil-jiem li għaddew inqabdet tarmi skart ta’ kostruzzjoni illegalment fl-inħawi tat-Torri tal-Għallis.

Dan huwa każ wieħed minn bosta rapporti li jidħlu għand id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni li matul diin is-sena biss ġabret mal-1,240 tunellata ta’ skart illegali.

Għalkemm aktar kemm jgħaddi żmien l-indafa qed tingħata prijorità mill-awtoritajiet, sfortunatament xorta għad hawn nies irresponsabbli li jibqgħu jagħżlu li jarmu l-iskart b’mod illegali.

Id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni għandha installati madwar 37 kameras tas-sigurtà madwar Malta li jsir monitoraġġ tagħhom minn uffiċjali apposta fi ħdan id-Diviżjoni.

Id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat tat -Tindif u Manutenzjoni Ramon Deguara ta rendikont lil TVM dwar kemm intrema’ skart fl-aħħar sentejn.

“Matul is-sena 2020 inġabru 2,400 tunellata ta’ skart ta’ kostruzzjoni mormi illegalment, dawn jinġabru minn diversi postijiet abbandunati fejn ħafna drabi lanqas ikun hemm servizz tal-elettriku jiġifieri xi ħadd imur jarmi bil-lejl fid-dlam fis-satra tal-lejla”.

Fost il-postijiet li l-ħaddiema tad-Diviżjoni kienu assenjati fih hemm it-Torri tal-Għallis li għadu kemm tnaddaf ftit ġimgħat ilu minn rimi ta’ skart ta’ kostruzzjoni waqt li saret ħsara rreparabbli lill-ambjent.

Deguara qal li interventi bhal dawn jiswew il-flus.

“L-ispiża titla’ bejn €7,000 u €10,000 … f’dan il-każ partikolari l-persuna li rmiet dan l-iskart inqabdet … hemm proċeduri li qegħdin jittieħdu mill-Pulizija u jitressaq ukoll quddiem il-ġustizzja biex iħallas għall-ispejjeż li saru b’konnessjoni ma’ dan ir-rimi illegali tal-iskart”.

Paul Formosa, mill-istess Diviżjoni, spjega ma’ TVM x’sabu l-ħaddiema dalgħodu meta kienu qed inaddfu l-bajja ta’ San Tumas f’Wied il-Għajn. “Kien hawn xi dgħajjes abbandunati u kissirnihom u neħħejnihom … naddafna l-‘area'”.

Staqsejna lil Formosa x’għandha tagħmel persuna biex tirraporta rimi ta’ skart u x’inhuma fost l-affarijiet li marru jnaddfu.

“Normalment in-nies iċemplu fuq is-1718, jgħaddu l-‘complaint’ taghhom, il-‘complaint’ tagħhom jgħaddi bħala ‘ticket’, bħala biċċa xogħol bħala ‘job card’, ninvestigaw xi jkunu u ma jkunux l-affarijiet u niġu nagħmlu dak li hemm bżonn. Annimali mejtin bħal xi baqra, bħal xi żiemel, imutilhom u jitilquh hemmhekk … ikollok tmur tara kif se tagħmel u tneħħih”.

Minbarra n-numru tat-telefon, ir-rapporti jistgħu jsiru b’email jew mill-mobile app Clean and Upkeep fejn wieħed jista’ jibgħat il-vidjow b’mod anonimu.