Barranin
Persuna mejta u 19 nieqsa fil-maltempata li ħakmet lil Franza u l-Italja

Tal-inqas persuna mietet u dsatax-il persuna huma rrappurtati nieqsa wara li maltempata qawwija laqtgħet in-naħa t’isfel ta’ Franza u l-majjistral tal-Italja.

Il-maltempata, li ngħatat l-isem Alex, hija kkaratterizata minn riħ qawwi, xita qalila li kkawżata ħafna għargħar.

Is-Sindku ta’ Nizza qal li dan hu l-agħar għargħar fl-istorja riċenti waqt li s-sindku ta’ Limone Piemonte fl-Italja ddeskriva s-sitwazzjoni bħala katastrofika. Ħafna toroq iġġarrfu u spiċċaw mgħarrqa, waqt li ħdax-il persuna huma rrappurtati nieqsa.

Skont l-Aġenzija reġjonali għall-protezzjoni tal-ambjent, bix-xita li niżlet f’24 siegħa nqabeż ir-rekord tal-1958.

Intant, għall-ewwel darba ħadmet is-sistema kontra l-għargħar f’Venezja – b’barrikati kbar sofor telgħu għall-ewwel darba biex jipproteġu lil din il-belt mill-ilma. Uffiċjali kienu qed ibassru li l-ilma se jogħla b’ 130 ċentimetru.

Sa ftit ilu b’dan l-ammont ta’ ilma l-aktar partijiet baxxi tal-belt kienu jegħrqu, imma llum Pjazza San Marco baqgħet fil-parti l-kbira tagħha niexfa. Is-sistema, li ngħatat l-isem Mose, hija ddiżinjata biex tipproteġi lil Venezja minn ilma m’ogħla tliet metri.