Immigrazzjoni
Persuna mejta u 22 nieqsa wara li għerqet dgħajsa bl-immigranti qrib it-Tuneżija

Persuna mietet waqt li 22 oħra jinsabu nieqsa, wara li matul il-lejl li għadda għerqet dgħajsa bl-immigranti qrib it-Tuneżija.

Midja internazzjonali rrappurtat din it-traġedja, fejn qalet li apparti l-persuna mejta u l-oħrajn li huma nieqsa, 25 persuna ġew salvati mill-baħar wara li għerqet id-dgħajsa li kienu fuqha. Il-vapur Open Arms fil-fatt għaddej b’operazzjoni ta’ tiftix għat-22 persuna nieqsa.

Apparti dan l-Open Arms f’inqas minn 24 siegħa irnexxielhom isalvaw żewġ dgħajes oħra, waħda ta’ 40 persuna, u oħra b’106 persuna.

Dan hekk kif bħalissa qed jitilqu eluf ta’ persuni mill-kosta tal-Afrika, li l-maġġoranza tagħhom qed jiġu nterċettati mill-Gwardja tal-Kosta Libjana. Dawk li jirnexxielhom jiżgiċċaw qed jaffaċċjaw kundizzjonijiet tat-temp iebsin, fosthom temperaturi baxxi u baħar imqalleb.