Saħħa
Persuna minn kull erbgħa bi problemi fis-saħħa mentali

Minn kull erba’ persuni waħda jkollha kriżi jew sfida relatata mas-saħħa mentali.

Kien il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali Dr John Cachia li qal dan waqt il-programm TVAM.

Dr Cachia se jtemm il-ħidma tiegħu f’din il-kariga wara li ilu jservi fiha mill-2012.

Postu se jieħdu Dennis Vella Baldacchino li mistenni jibda jokkupa din il-kariga b’mod uffiċjali mill-1 ta’ Diċembru li ġej.

Dr Cachia qal li l-ikbar kisba tiegħu u tal-impjegati tal-uffiċċju kien li poġġew is-saħħa mentali fuq l-aġenda tal-pajjiż.

Huwa qal li llum ħadd ma jiddubita mill-importanza tas-saħħa mentali u n-nies bdew jindunaw li hemm ħafna oħrajn li qed ibatu minnha.

Kien hawn li semma kif xi darba jew oħra 25% tal-popolazzjoni kellha kriżi jew sfida ta’ saħħa mentali u żied li fl-aħħar xhur raw żieda ta’ bejn 30% u 40% fil-każijiet fuq dawk ta’ qabel il-pandemija.

Dr Cachia qal ukoll li l-istigma dwar is-saħħa mentali tibqa’ sakemm il-pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali jiġu trattati fl-istess postijiet bħal mard ieħor.

Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali wissa li għadna wkoll dgħajfin fejn tidħol is-servizzi tas-saħħa mentali li jingħataw fil-komunità.