Persuna pubblika għandha dritt għal ħajja privata?

Diversi stejjer li naraw fuq il-midja, qajmu kemm il-darba mistoqsija li tqanqal reazzjonijiet diversi. Persuna popolari jew hekk imsejħa pubblika, għandha dritt għall-privatezza tagħha u tal-familjari tagħha?

Rapporti riċenti li saru fuq politiċi, familjari ta’ politiċi, negozjanti u persuni magħrufa f’pajjiżna qajmu kontroversja sħiħa. Fost diversi eżempji ta’ stejjer rapportati nsibu ħabta serja bil-karozza, każ ta’ overdose aċċidentali u sentenza ta’ tliet xhur ħabs fuq traffikar ta’ droga li sar tmien snin ilu. Kienu ħafna li staqsew jekk kienx hemm għalfejn dawn l-istejjer jiġu rapportati b’tali mod li jiġi enfasizzat il-persuna min hi, x’tagħmel jew minn min tiġi. Il-ħajja privata ta’ persuni pubbliċi għandha tinkixef b’dan il-mod?

Tkellimna mal-Avukat Kevin Dingli li għamel distinzjoni bejn etika u liġi. Huwa spjega li l-professjoni tal-ġurnalisti hija regolata minn kodiċi ta’ etika ġurnalistika li tiggwida lil dawn il-professjonisti kif għandhom jirrapportaw stejjer u aħbarijiet varji. Biss l-istess kodiċi għandu numru ta’ eċċezzjonijiet. Dr. Dingli tenna li fl-opinjoni tiegħu ġurnalist m’għandux jagħmel referenza għal ħajja privata ta’ persuna pubblika sakemm dak rapportat ma jkollux x’jaqsam direttament mal-professjoni tiegħu. “Meta tkun parti mix-xena pubblika, tibda ssir iktar diffiċli biex tagħmel distinzjoni ċara bejn il-ħajja pubblika u dik privata, biss kulħadd għandu dritt għal ħajja privata tiegħu u din trid tiġi rispettata sakemm ma jkunx fl-interess pubbliku li jiġu investigati ċertu affarijiet għaliex ikollhom relazzjoni diretta mal-funzjonijiet jew il-kariga tal-istess persuna pubblika”.

Żied jgħid li fil-mument ma teżistix liġi li tinforza id-dritt għal privatezza tal-persuna. Mistoqsi mill-preżentatur jekk is-sens ta’ immedjatezza li qed ngħixu bih fil-preżent hux qed ikollu rwol f’dan it-tip ta’ rappurtaġġ, l-avukat spjega li r-rapidità fil-midja attwali hija mistennija biss għandha ċertu responsabbiltà. Biss il-vuċi tal-istess midja hija essenzjali biex b’mod indirett tnaqqas miċ-ċans li jsiru xi abbużi minn naħa tal-persuni pubbliċi.

Mistoqsi jekk ikunx qed jiġi miksur id-dritt tal-espressjoni jekk isiru xi limitazzjonijiet lil ġurnalisti, Dingli tenna li “kull dritt għandu l-limitazzjonijiet tiegħu. Huwa minnu li hemm dan id-dritt fundamentali tal-espressjoni biss dan mhux assolut. Dejjem ikun hemm ċerti boundaries li waħda minnhom hija l-ħajja privata”.