Qorti
AĠĠORNAT: Jinħeles mill-arrest ir-raġel li waħħal kamera f’latrina ta’ Mater Dei

Alexander Borg, ta’ 28 sena minn Ħaż-Żebbuġ, inħeles mill-arrest wara li ammetta li waħħal kamera fil-latrina tan-nisa f’Mater Dei.

Hu tressaq il-Qorti akkużat li żvela xi ritratti jew filmati sesswali mingħajr kunsens tal-persuna. Borg, li jaħdem bħala infirmier fl-Isptar Mater Dei, wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Fil-Qorti, ġew ippreżentati screenshots tal-filmati meħuda mill-kamera installata, flimkien ma’ lista ta’ xirjiet li saru fl-2018.

Waqt li d-difiża ma kkontestatx il-validità tal-arrest, talbet divjett fuq l-isem, xi ħaġa li l-prosekuzzjoni m’oġġezzjonatx għaliha. Minkejja dan, il-Qorti ċaħdet it-talba għad-divjett fuq isem l-akkużat.

Il-prosekuzzjoni, li qed tiġi mmexxija mill-Ispetturi Colin Sheldon u Sergio Pisani, spjegat ukoll kif il-vittmi involuti għadhom mhumiex magħrufa li sofrew dan ir-reat. Żiedet tgħid li hemm bżonn trattament psikoloġiku għall-akkużat, fejn id-dipartiment fejn jaħdem fl-Isptar Mater Dei diġà qed jgħinu f’dan l-aspett.

Id-difiża, mmexxija mill-Avukat Ishmael Psaila, saħqet li l-akkużat huwa persuna b’kondotta nadifa, u li dan diġà ammetta u skuża ruħu ta’ li għamel. Hu appella lill-Maġistrat Astrid May Grima biex tikkunsidra s-sensittività tax-xogħol li għandu, u indika li l-akkużat jista’ jkun qed ibati minn kundizzjonijiet psikoloġiċi.

Dr Psaila argumenta li sentenza ta’ priġunerija jaf titfa’ lill-akkużat “mitt sena lura,” waqt li saħaq li t-triq ‘l quddiem hija ordni ta’ trattament.

Wara li semgħet dan kollu, il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, waqt li kkundizzjonatu li ma jistax isiefer, irid jiffirma l-għassa ta’ Raħal Ġdid kuljum, u ma jistax joħroġ wara l-għaxra ta’ bil-lejl. Dan waqt li huwa marbut b’depożitu ta’ €500, u garanzija personali ta’ €5,000.

Aktar qabel:

Fil-ħin li ġej se tkun qed titressaq il-Qorti l-persuna li x-xahar li għadda poġġiet kamera moħbija fil-latrina tan-nisa, fl-Isptar Mater Dei.

Fit-17 t’Ottubru li għadda l-Pulizija ġew infurmati li staff tal-Isptar Mater Dei, waqt li kienu qed jagħmlu tindif ta’ rutina fil-latrina tan-nisa, sabu apparat elettroniku moħbi, li iktar tard ġie identifikat bħala kamera żgħira.

Wara li ġew infurmati bil-każ, il-Pulizija elevaw il-kamera minn fuq il-post, li dak il-ħin kienet waqfet taħdem minħabba li spiċċat il-batterija. Xorta intqal kif il-Pulizija investigaw l-apparat biex jaraw x’filmati setgħu inġibdu.

Il-Pulizija talbu wkoll filmati tas-CCTV, biex setgħu jidentifikaw il-persuna li installat il-kamera moħbija.

Ara wkoll:

AĠĠORNAT: Nemmies b’kamera moħbija f’latrina tan-nisa f’Mater Dei

 

Aħbarijiet Oħra
Ippjanar u bini

Applikazzjoni kontroversjali għal żvilupp fuq sit ta’ villa storika tas-seklu tmintax fiż-Żejtun, ġiet irtirata mill-iżviluppatur. L-applikazzjoni kienet qed titlob li l-Awtorità tal-Ippjanar tibdel iż-żona fejn tinsab Villa Bonici minn waħda…

Lokali

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, saħaq li l-Istat Malti għandu jagħmel użu mill-mezzi u l-proċeduri kollha għad-dispożizzjoni tiegħu skont il-liġi, inkluż dawk ta’ natura eċċezzjonali biex jinqabad min ordna, iffinanzja, u…

Lokali

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li ffirma ittra li permezz tagħha kkommetta ruħu li jirrakkomanda maħfra Presidenzjali ġaladarba suspettat li kien involuta fil-komplott tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, jikxef dak…

Kronaka

Il-Pulizija qed tinvestiga s-sejba ta’ kadavru ta’ mara li ttella’ mill-Bajja tal-Balluta. Kien għall-ħabta tas-7:10 ta’ dalgħodu meta l-Pulizija ġiet infurmata li ntlemħet persuna bla ħajja f’wiċċ il-baħar f’din il-bajja….

Aktar