Lokali
AĠĠORNAT: Raġel l-isptar wara li waqa’ f’sit ta’ kostruzzjoni fl-Imtarfa

Raġel ta’ 55 sena residenti l-Imtarfa, weġġa’ gravi meta waqa’ f’sit ta’ kostruzzjoni fl-Imtarfa.

Il-Pulizija qalet lil tvm.com.mt li l-inċident seħħ għall-ħabta tas-7.10 a.m fi Triq Ta’ Slampa.

Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li raġel ta’ 55 sena mill-Imtarfa stess u li huwa s-sid tal-post li qed jinbena, mar jittawwal ix-xogħolijiet, meta ċediet ġebla minn gallarija u waqa’ madwar sular għal isfel.

Fuq il-post mar tim mediku li ta l-ewwel għajnuna, il-Pulizija, il-Protezzjoni Ċivili u ambulanza li ħadet lir-raġel l-isptar Mater Dei fejn ġie ċċertifikat li sofra minn ksur.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.