Persuni arrestati fil-Greċja fuq pjani ta’ terroriżmu fil-Belġju

Il-pulizija Griega arrestat numru ta’ persuni fuq allegat rabtiet ma’ pjani suspettati ta’ terroriżmu fil-Belġju.

Fost l-arrestati hemm raġel li allegatament kien f’kuntatt ma’ grupp f’Verviers fil-Belġju fejn nhar il-Ħamis inqatlu żewġ suspettati f’operazzjoni kontra t-terroriżmu.

L-Ewropa tinsab fuq alert massimu wara li ġellieda Iżlamiċi qatlu 17-il ruħ f’Pariġi.

Fil-Belġju, Franza u l-Ġermanja kienu arrestati aktar minn 20 persuna.

Fil-Belġju t-truppi tal-armata niżlu fit-toroq biex jgħassu postijiet kruċjali madwar il-pajjiż minn attakki terroristiċi wara numru ta’ raids kontra t-terroriżmu l-Ħamis filgħaxija.

Fl-operazzjoni l-pulizija sabet armi tan-nar, munizjoni, splussiv, uniformijiet tal-pulizija u anke ammonti kbar ta’ flus.

Prosekuturi qalu li l-grupp kien qed jipjana li joqtol uffiċjali tal-pulizija u l-Ġimgħa akkużaw ħames persuni b’parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ grupp terroristiku.