Qasam soċjali
Persuni b’diżabilità jappellaw lin-nies biex iħarsu lejn l-abbiltajiet tagħhom

Persuni b’abbiltajiet differenti qed jagħmlu dak kollu possibbli biex is-soċjetà tħares lejn il-ħiliet tagħhom u mhux lejn id-diżabilitajiet.

Dawn il-persuni jħossu li għandhom jikkontribwixxu għas-soċjeta tant li rnexxielhom jiffurmaw forum li qed jiddiskuti temi li jħossu li għandhom jittellgħu fuq l-aġenda nazzjonali.

Din l-inizjattiva saret possibbli permezz ta’ kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija Żgħażagħ u l-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.

L-Aġenzija Żgħażagħ u l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità għaqqdu l-forzi tagħhom biex 10 żgħażagħ b’abbiltajiet differenti li għandhom anqas minn 30 sena jiltaqgħu u jesprimu ruħhom mingħajr l-għajnuna tal-professjonisti dwar dak li jolqothom mill-qrib.

Iż-żgħażagħ qalu li jixtiequ lis-soċjetà tħares lejhom bħala persuni li għandhom abbiltajiet differenti u mhux li għandhom diżabilità.

Melissa Aquilina, li hija nieqsa mis-smigħ, stqarret li dan il-forum huwa ta’ ħtieġa kbira għaliha.

“Jiena ħadt pjaċir li pparteċipajt f’dan il-forum taż-żgħażagħ, għalija importanti li jkun aktar awareness dwar l-abilities differenti taż-żgħażagħ biex ikollna futur ahjar, ikollna ħajja aktar fulfilling u biex il-vuċi tagħna tinstema”.

Noel Aquilina huwa Youth Worker b’abbiltajiet differenti u qed imexxi l-forum li huma magħmul minn persuni ta’ ġeneri differenti.

“Huma jixtiequ li s-soċjetà tibda tara aktar l-abbiltajiet tal-bniedem li fejn persuna b’diżabilità tista tiffunzjoni fuq il-post tax-xogħol, l-università, sixth form, tmur fejn tmur, anke primarja, inti tista’ tiffunzjona b’mod ħolistiku, bil-mod tiegħek għalhekk ħargu b’kelma ta’ abilità b’differenza, għax l-abilità tiegħi mhix l-abilità tiegħek, huma differenti”.

Il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità Samantha Pace Gasan spjegat liż-żgħażagħ jagħżlu huma t-temi għad-diskussjoni biex wara ssir konsultazzjoni u t-temi jittellgħu fuq l-aġenda nazzjonali.

“Din l-inizjattiva bejn l-Aġenzija Żgħażagħ u l-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, il-forum huwa parti minn ftehim aktar wiesgħa fejn anke jkollna riċerka u taħriġ imma fost l-affarijiet l-aktar importanti huwa l-forum għaliex qegħdin nagħtu spazju liż-żgħażagħ b’diżabilità jistgħu jkomplu jimirħu u jsaħħu anke l-vuċijiet tagħhom”.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li din il-kollaborazzjoni bejn żewġ entitajiet governattivi hija ta’ benefiċċju kemm għal dawn il-persuni li għandhom abbiltajiet differenti u anke għas-soċjetà.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li din il-kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija Żgħażagħ u l-Kummissjoni tnediet ġimgha qabel mal-Gvern jippubblika l-istrateġija għall-Persuni b’Diżabilità.