Politika
AĠĠORNAT: Persuni bi dħul baxx se jirċievu sa €10,000 f’differenza fil-kera ta’ qabel l-1995

Persuni bi dħul baxx, kif ukoll pensjonanti u dawk li jirċievu l-benefiċċji soċjali, se jirċievu sa massimu ta’ €10,000 f’differenza fil-kera l-ġdida li jridu jibdew iħallsu skont ir-riforma li għandha tindirizza l-anomaliji fil-kirjiet ta’ qabel l-1995.

Id-dettalji ta’ din ir-riforma tħabbru dalgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Birgu, li matulha l-Prim Ministru Robert Abela fisser kif il-kera l-ġdida tista’ titla’ sa 2% tal-valur tal-proprjetà.

Spjega li se jiddaħħal benefiċċju tal-kera, fejn ħadd ma jħallas iktar milli jiflaħ.

L-ewwel kategorija ta’ persuni li se jgawdu minn dan il-benefiċċju hija tal-pensjonanti u dawk li jgħixu bil-benefiċċji soċjali, li se jingħataw benefiċċju li jkopri ż-żieda fil-kera, sa massimu ta’ €10,000 fis-sena għal kull familja.

It-tieni kategorija hija ta’ inkwilini li jaħdmu full-time bi qligħ, fejn dawn mhux se jħallsu iktar minn 25% tad-dħul tagħhom fuq il-kera, biex ikunu jistgħu jgħixu kwalità ta’ ħajja dinjituża. Il-benefiċċju li jirċievu se jkopri d-differenza bejn il-25% tad-dħul annwali tagħhom u l-ammont tal-kera kif stabbilit mill-bord li jirregola l-kera. L-għotja wkoll tkun sa massimu ta’ €10,000.

Fil-każ ta’ dawk li jgħixu fi proprjetà b’valur għoli, tant li d-differenza fil-kera l-ġdida titla’ għal iktar minn €10,000 fis-sena, dawn se jkunu qed jingħataw residenza alternattiva, bħal ma seħħ fil-każ ta’ dawk li ġew żgumbrati.

Il-Prim Ministru qal li din ir-riforma se tolqot iktar minn 10,000 familja, u biha se jintlaħaq bilanċ bejn id-drittijiet tas-sid u l-protezzjoni tal-inkwilin.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, qal li din ir-riforma tirrifletti l-maturità tas-soċjetà, u ddeskrivha bħala riforma denja. Huwa rringrazzja l-kabinett tal-impenn soċjali li wera waqt li wiegħed aktar ħidma fis-settur soċjali. Semma ukoll li tnieda s-servizz freephone 153 għal min jeħtieġ aktar informazzjoni.

Aġġornat:

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-bidliet imħabbra dwar il-kirjiet ta’ qabel l-1995 huma ftit ħafna u tard wisq biex iserrħu moħħ min jgħix fil-kera, filwaqt li jiġu rispettati d-drittjiet tas-sidien.

Fi stqarrija, il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Akkomodazzjoni Soċjali Ivan Bartolo, qal li b’dak li ħabbar dalgħodu l-Prim Ministru se jibgħat eluf ta’ persuni l-Qorti u jżid it-tensjoni bejn min jgħix fil-kera u s-sidien tal-propjetajiet mikrija.

Intant, il-Partit Laburista sejjaħ ir-riforma fil-kirjiet ta’ qabel l-1995 bħala konferma oħra ta’ Gvern li jħares id-drittijiet tal-Maltin u l-Għawdxin u joffri soluzzjonijiet għall-inġustizzji u l-isfidi li jsibu quddiemhom.

Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li bir-riforma, il-Gvern wera li mhux jintilef fil-battibekki politiċi, iżda jaħdem u jistinka għall-aħjar interessi tal-poplu tiegħu.