Lokali
Aġġornat: Persuni ħatja ta’ reati żgħar b’tagħmir elettroniku flok jintbagħtu l-ħabs

Il-Gvern ippreżenta l-abbozz ta’ liġi biex tidħol is-sistema ta’ moniteraġġ elettroniku għal persuni li jinstabu ħatja ta’ reati żgħar u jingħataw piena alternattiva mill-qorti flok jintbagħtu l-ħabs.

Il-Ministru Camilleri qal li din is-sistema tagħti serħan il-moħħ lill-komunità u lill-vittmi tal-kriminalità u tirrijabilità lil persuni li jkunu jistgħu jaħdmu jew jistudjaw.

Abbozz ta’ liġi li jirregola l-użu ta’ apparat ta’ moniteraġġ elettroniku li jissorvelja l-movimenti qed jippropini li dawk li jinstabu ħatja ta’ reati żgħar jistgħu jiġu segwiti b’mod elettroniku minflok jintbagħtu l-ħabs. Dan l-apparat jista’ japplika wkoll għall-priġunieri li joħorġu mill-ħabs bil-parole jew bil-prison leave.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri, spjega li l-moniteraġġ elettroniku japplika għal piena ta’ priġunerija effettiva ta’ mhux aktar minn sena, u f’każ li r-reat imwettaq ma jkunx suġġett għal aktar minn piena massima ta’ sentejn ħabs.

Madankollu qed ikun propost li persuni li jinstabu ħatja ta’ vjolenza domestika; vjolenza abbażi tal-ġeneru; ta’ pedofelija; li ma ħallsux il-mantentiment; u ma rrispettawx ordni tal-Qorti dwar aċċess għall-ulied huma esklużi mill-possibbiltà li jingħataw dan l-apparat minflok jintbagħtu l-ħabs.

L-abbozz jipproponi li l-ordni ta’ moniteraġġ elettroniku tista’ tinħareġ ukoll f’każ ta’ ordni ta’ trażżin, garanzija ta’ ordni ta’ protezzjoni u ordni ta’ protezzjoni temporanja . F’dawn il-każijiet b’differenza għall-bqija, il-kunsens tal-persuna ikkonċernata mhux meħtieġ.

Il-Ministru Camilleri qal li dan l-abbozz tfasal wara konsultazzjoni twila fuq bażi nazzjonali u jibni fuq dak li kien propost f’Mejju li ġej.

“Nemmen li se naslu għal sistema li toffri aktar sigurtà lill-komunitajiet tagħna, li toffri aktar serħan il-moħħ lill-vittmi. Sistema li ħa tgħin aktar fir-rijabilitazzjoni tal-persuni speċjalment ta’ dawk li dak il-ħażin li jkunu għamlu jkun wieħed meqjus minuri u wkoll se tgħin lill-popolazzjoni tal-ħabs”, qal il-Ministru Camilleri.

L-abbozz ta’ liġi jgħid li l-apparat ta’ moniteraġġ elettroniku jista’ jinħareġ b’ordni mill-qorti; mil-kap eżekuttiv tal-aġenzija għas-servizzi korrettivi f’każijiet ta’ prison leave; u mill-bord tal-parole.

Jipproponi li jekk il-persuna tinqabas tbagħbas jew tneħħi l-apparat ta’ moniteraġġ elettroniku tkun qed twettaq reat li għalih tista’ tintbagħat bejn sitt xhur u sentejn ħabs.

Il-Ministru Camilleri qal li dan l-abbozz għad irid jgħaddi mill-proċess parlamentari qabel mal-liġi tidħol fis-seħħ. Sadanittant fil-ġimgħat li ġejjin il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi mistenni joħroġ sejħa għall-offerti għall-apparat ta’ moniteraġġ.

Il-PN għid li l-Gvern reġa’ kien reattiv

B’reazzjoni, il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li l-Gvern reġa’ kien reattiv għall-proposti mressqa mill-Partit Nazzjonalista dwar l-użu ta’ moniteraġġ elettroniku tal-priġunieri pajjiżna.

Il-PN fisser din il-leġislazzjoni bħala pass żgħir ‘il quddiem u fakkar illi l-popolazzjoni fil-ħabs illum hi  d-doppju ta’ dak li kien intenzjonat li jesa’.

Huwa appella lill-Gvern biex b’mod immedjat jindirizza il-problemi kbar li qal li hemm fil-ħabs illum.