COVID-19
Persuni li jfiqu mill-Covid-19 mhumiex ta’ riskju għal ħaddieħor

L-awtoritajiet Maltin jinsabu mħassbin li l-istigma fuq pazjenti bil-Covid-19 tista’ tkun raġuni għalxiex xi wħud mhumiex imorru għat-test.

Waqt il-bulettin mediku tal-lum, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci qalet li huwa mportanti li l-pubbliku jifhem li min hu pożittiv għal Covid-19, ikun ħadu għax kien f’kuntatt ma’ xi ħadd ieħor infettiv u li x’aktarx ma kienx jafx li hu għandu.

Il-Professur Gauci qalet li mhu tort ta’ ħadd li huma ħadu dan il-virus u għalhekk appellat kontra l-istigma fuq persuni li jirriżultaw pożittivi għal Covid-19. Kompliet tgħid li l-maġġoranza tal-pazjenti eventwalment ifiqu mill-virus u ma jibqgħux aktar infettivi għal ħaddieħor.

Appellat għall-privatezza ta’ dawn il-persuni għaliex dawn se jfiqu u meta se jerġgħu joħorġu fil-komunità m’huma se jkunu ta’ l-ebda riskju għal ħaddieħor.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, qalet ukoll li s’issa ħadd mill-persuni li kienu nfettati bil-virus u fiequ ma reġa’ marad bil-virus.

Qalet li għadhom għaddejjin studji biex ikun magħruf kif il-pazjenti bil-Covid-19 jiżviluppaw antibodies għall-virus u għalkemm żmien dawn l-antibodies idumu jagħtuhom protezzjoni milli jerġgħu jieħdu l-virus għat-tieni darba.