Lokali
Persuni mlaqqma kompletament daqt ikunu jistgħu jagħmlu anqas kwarantina

Persuni li huma mlaqqma kompletament kontra l-imxija tal-COVID-19 u li jiġu f’kuntatt ma’ persuni li għandhom il-virus, dalwaqt se jkunu jistgħu jerġgħu lura għall-ħajja tagħhom mingħajr il-ħtieġa li jiżolaw lilhom infushom għal 14-il ġurnata.

F’intervista ma’ Times of Malta, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-pjan hu li l-persuni mlaqqma jkunu jistgħu joħorġu mill-iżolament wara perjodu ta’ ħamest ijiem u PCR test negattiv. Madanakollu, s’issa l-Gvern għadu qed jixtarr dan il-pjan.

Ilbieraħ, il-Kamra tal-Kummerċ appellat lill-awtoritajiet tas-saħħa biex jikkunsidraw mill-ġdid il-miżuri ta’ kwarantina. Il-Kamra qalet li persuni mlaqqma li jkunu kuntatti sekondarji ta’ persuni pożittivi għall-Covid-19 m’għandhomx jitpoġġew 14-il jum kwarantina.

Bħalissa, in-nies li huma mlaqqma komplentament u jkunu f’kuntatt mill-qrib ta’ każ pożittiv iridu jagħmlu 14-il ġurnata fi kwarantina.

Fl-istess intervista, il-Ministru għas-Saħħa qal li r-regoli jafu jittaffew jekk l-għadd ta’ pazjenti bl-imxija li jkunu qed jirċievu t-trattament fl-isptar jibqa’ baxx. Huwa stqarr li wieħed irid jagħti ftit ċans biex jaraw kif tkun is-sitwazzjoni. Spjega li ġeneralment l-għadd ta’ pazjenti bil-COVID-19 jiżdiedu fl-isptar wara ħmistax jew tliet ġimgħat li jiżdiedu l-każijiet fil-komunità. Żied jgħid li sal-aħħar tax-xahar jaf ikollna stampa ċara.