Qasam soċjali
Persuni nieqsa mis-smigħ jitolbu għal iktar aċċessibilità fix-xandir

F’seminar dwar l-inklużjoni fix-xandir, persuni nieqsa mis-smiegħ għamlu talba biex is-servizzi mxandra fuq l-istazzjonijiet lokali, jinkludu mezzi biex il-persuni nieqsa mis-smiegħ ikollhom iktar aċċess kemm għall-informazzjoni u anki għad-divertiment. Karl Borg li huwa lettur fil-lingwa tas-sinjali u ilu snin jinterpreta l-aħbarijiet ta’ TVM talab biex l-istazzjonijiet televiżivi lokali kollha jinkludu sotto titli biex persuni b’nuqqas ta’ smiegħ ikunu jistgħu jifhmu dak li għaddej.

“Aħna l-persuni nieqsa mis-smiegħ, inħossu li biex ikollna inklużjoni u aċċessibbiltà fix-xandir ikollna bżonn interpreti u sotto titoli, bħal pajjiżi oħrajn.”

Dorianne Callus, li hija wkoll lettriċi fil-lingwa tas-sinjali qalet li hemm bżonn ta’ iktar produzzjonijiet inklussivi.

“Importanti li jkollna programmi aċċessibbli għat-tfal mhux li jkun hemm biss għall-kbar, għat-tfal sa issa għad m’hemmx xejn.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir Dr Joanna Spiteri qalet li hemm bżonn li persuni b’diżabilita’ ma jidhrux bħala vittmi u li għad fadal xi jsir biex ix-xandir lokali kollu jkun inklussiv għax jeħtieġ investiment qawwi fit-teknoloġija.

Il-Kap Eżekuttiv tal-PBS Charles Dalli qal li x-xandir nazzjonali dejjem kien minn ta’ quddiem biex iżid ix-xandir inklussiv, fosthom bil-kampanja ta’ TVM fit-tagħlim tal-lingwa tas-sinjali.

“Qed naraw kif intejjbu u nsaħħu u ngħelbu l-isfidi fin-nuqqas ta’ riżorsi u b’mod gradwali u sostenibbli u finanzjarju, qed inkompli nżidu s-servizzi li tagħna.”

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela qal li l-Gvern qed jara biex il-lingwa tas-sinjali fuq ix-xandir tissaħħaħ, u jemmen li hemm bżonn li persuni b’diżabilità jingħataw iċ-ċans li jkunu parti mill-programmi mxandra u mhux biss meta jkun diskuss suġġett dwar id-diżabilità. Qal li llum l-istazzjon nazzjonali żied is-servizzi tal-lingwa tas-sinjali fosthom f’xandiriet importanti. Il-Ministru Abela qal li fl-2016 l-lingwa tas-sinjali saret lingwa uffiċjali wkoll.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalita’ tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet li d-diżabilità trid tiġi indirizzata b’mod ġust biex ħadd ma jitħalla barra. Qalet li l-iskejjel għandhom irwol importanti għall-bidla fil-mentalità fit-tfal fejn l-għoti ta’ tagħlim u informazzjoni għandu jkun aċċessibbli għal kulħadd.