Annimali
Peter… il-kelb tad-Dwana li fi tliet snin għamel 85 qabda fosthom droga u flus

Il-kelb tad-Dwana ta’ Malta, Peter, ġie ppremjat bħala l-aqwa kelb fis-servizz għal din is-sena.

Fl-aħħar tliet snin kemm ilu jaħdem qabad iktar minn €600,000 fi flus mhux dikjarati, 150 kilo tabakk, żewġ pakketti kokaina u ieħor bil-kannabis.

TVM iltaqa’ ma’ Peter u segwa t-taħriġ li hu u s-seba’ kollegi tiegħu jagħmlu ta’ kuljum sabiex il-kuntrabandu bl-ajru u bil-baħar f’Malta jitnaqqas kemm jista’ jkun

Fit-tliet snin kemm ilu uffiċjal tad-Dwana qabad iktar minn €600,000 fi flus mhux iddikjarati, kellu 85 każ ta’ qabdiet fejn jidħlu drogi, flus u tabakk. U għad għandu biss ħames snin.

Minkejja l-età tenera tiegħu, Peter il-kelb huwa wieħed mill-iktar uffiċjali effiċjenti tad-Dwana ta’ Malta.

Fil-fatt, fil-jiem li għaddew, ix-xogħol ta’ Peter ġie rikonoxxut fejn rebaħ il-premju tal-aqwa kelb fis-servizz għal din is-sena.

Fi żjara fil-binja tat-Taqsima tal-Klieb tad-Dwana, iċ-Ċentru tal-Aħbarijiet seta jsegwi l-andament ta’ sessjoni ta’ taħriġ li Peter u l-kollegi tiegħu jagħmlu, sabiex jibqgħu jitħarrġu u jtejjbu l-ħiliet tagħhom.

L-instructor Hillary Fenech qal kif il-klieb tad-Dwana jgħaddu minn proċess twil ta’ taħriġ li matulu jiffukaw fuq żewġ taqsimiet partikolari mit-tiftix tal-flus, drogi u tabakk.

Huwa qal li din hija l-iktar fażi kruċjali fl-iżvilupp ta’ dawn il-klieb.

“Il-klieb jibdew qisu ta’ 11-il xahar … minn 11-il xahar ‘l fuq ikunu għadhom novizzj … aħna ngħidulhom green dogs … imabgħad jagħmlu qisu minn 12 sa 13-il ġimgħa mal-instructor u jmorru mal-handler għal madwar 5 ġimgħat sabiex tinbena s-sinerġija u sabiex isiru t-tim li għandna bżonn aħna bħala skwadra”.

Fenech qal li l-kelb jiġi mħarreġ ixomm l-oġġetti f’sitwazzjonijiet differenti, uħud minnhom ta’ sfida kbira.

“Nagħmlu fl-art u nagħmlu wkoll fl-għoli, ħalli l-kelb jidra mhux biss rasu mal-art … plus li jrid ikun kapaċi jfittex fuq in-nies, ifittex fil-bagalji, ifittex waqt li hemm in-nies jiġifieri b’ħafna distractions u ħafna storbju, nies għaddejin minn ħdejh u karozzi … aħna mmorru ħdejn il-katamaran ukoll allura jkollna anke karozzi għaddejin minn ħdejna … il-klieb iridu jkunu ma jibżgħux kemm jista’ jkun”.

Peter, li huwa tar-razza Springer, jaħdem bħala kelb tad-Dwana flimkien ma’ sebat iklieb oħra, li lkoll jissorveljaw id-dħul u l-ħruġ ta’ passiġġieri li jgħaddu mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u dawk li jagħddu mit-terminal tal-Katamaran.

Xogħolhom huwa li jxommu l-bagalji u dak li qed iġorru l-passiġġieri sabeix tkompli sseħħ il-missjoni tad-Dwana ta’ Malta, dik li minn u lejn pajjiżna, ma jiġix traffikat kuntrabandu.