COVID-19
Pfizer tgħid li aktarx ikun hemm bżonn it-tielet doża

Il-kap tal-kumpanija Pfizer ħabbar li aktarx dawk li jieħdu t-tilqima tagħhom ikollhom bżonn jieħdu t-tielet doża. S’issa qed jingħata f’żewġ dożi.

Il-Kap Eżekuttiv Albert Bourla sostna li jekk tingħata din aktarx ikun hemm bżonnha fi żmien sitt xhur sa sena.

Huwa kien kwotat jgħid ukoll li wara t-tielet doża jaf ikun hemm ukoll il-bżonn li l-vaċċin jibqa’ jingħata kull sena.

Ir-riċerkaturi għadhom ma jafux kemm il-vaċċini jdumu jipproteġu lill-bniedem wara li jingħata.

Fi studju ppubblikat minnha stess il-Pfizer ikkonkludiet li l-vaċċin tgħha huwa 91% effettiv biex jipproteġu lill-persuna mill-virus u 95% effettiv kontra każijiet severi sa sitt xhur mit-tieni doża.

Madanakollu r-riċerkaturi jagħmluha ċara li hemm bżonn aktar tagħrif biex jistabilixxu jekk il-vaċċin hux effettiv wara sitt xhur.

Sadanittant Bourla ma kkonfermax li l-prezz tal-vaċċin tela’ minn €12 għal €19.50 kif ilmenta l-Prim Ministru Bulgaru Boyko Borissov.