Qorti
Piena ta’ 12-il sena ħabs għal xufier ta’ vann tal-iskola li stupra tifla ta’ 8 snin

James Grech ta’ 33 sena ngħata piena ta’ 12-il sena ħabs wara li nstab ħati li kkorrompa u stupra bi vjolenza tifla ta’ 8 snin.

Il-każ imur lura għal Ġunju tal-2006 meta ddaħħal rapport kontra Grech li mess lit-tifla iżda ma kienx hemm biżżejjed evidenza biex issir prosekuzzjoni.

Iżda ż-żejt tela’ f’wiċċ l-ilma fl-2014 meta t-tifla, li dak iż-żmien kellha 16-il sena, bdiet relazzjoni ma’ ġuvni u bdew ituha aċċessjonijiet li psikjatra kkonkluda kienu mabutin ma’ trawma ta’ stupru. Il-psikjatra informa lill-pulizija bil-każ fl-2015.

Fil-qorti nstema’ kif Grech kien ikkorrompa lit-tifla wara l-ħin tal-iskola fejn ħadha bil-vann f’għalqa u heddidha li kien se jweġġa’ lil oħtha jekk tiftaħ ħalqha. It-tifla xehdet li sfurzaha wkoll tagħmel att sesswali fuqu, li stupraha aktar minn darba fi ġranet differenti u li saħansitra uża l-vjolenza fuqha fejn qasmilha xoffitha u mneħirha u tahha daqqiet fl-istonku.

It-tifla xehdet li kienet tkellmet ma’ Soru tal-iskola wara li nnotat lil Grech qed imelles xagħar tifla oħra. Hija qalet li kienet infurmat lis-Soru li Grech kien messha u ħasbet li dan kien ser ikun biżżejjed biex l-iskola titfagħha fuq vann tal-iskola ieħor.

Grech ċaħad l-akkużi kollha kontrih u qal li seta’ bi żvista mess lit-tifla huwa u jlibbsilha ċ-ċinturin tas-sigurtà.

Il-Qorti, li kienet ippreseduta mill-Maġistrat Audrey Demicoli, qalet li sabet ix-xhieda tat-tifla kredibbli hekk kif din ikkorroborat ma’ dak tal-ġenituri tagħha, psikjati u social workers kif ukoll ta’ tifla oħra li kienet magħha fuq il-vann tal-iskola.

Il-Qorti qalet li t-tifla kellha biss 8 snin meta ġiet stuprata u għalhekk qatt ma setgħet tat il-kunsens filwaqt li nnotat kien hemm diversi inkosistenzi fix-xhieda ta’ Grech.

Qalet ukoll li Grech se jingħata l-piena qrib il-massimu u ordnatu jħallas €500 spejjeż tal-Qorti.