Kultura
Pittura mill-kollezzjoni nazzjonali se tittieħed għall-wirja ta’ 5 xhur f’Moska

Konservaturi professjonali ta’ Heritage Malta għadhom kif lestew ir-restawr ta’ pittura importanti u prestiġjuża ta’ Katarina l-Kbira li mal-mitejn u ħamsin sena ilu kienet tmexxi l-Imperu Russu.

Il-pittura hi tal-artist rinomat, Dimitri Levitzky, u tant għandha valur storiku u diplomatiku importanti li f’dawn il-jiem se tiġi mislufa lill-awtoritajiet Russi għall-wirja ta’ ħames xhur f’Moska.

Ir-relazzjoni b’saħħitha bejn Malta u r-Russja x’aktarx bdiet minħabba li kellhom għadu komuni; l-Imperu Ottoman u tmur lura għal żmien l-Ordni ta’ San Ġwann speċjalment fl-aħħar erbgħin sena tas-seklu tmintax li matulhom ir-Russja kienet immexxija minn Katerina l-Kbira.

Fil-Palazz tal-Granmastri, il-Belt, hemm pittura rari bix-xbieha tagħha, xogħol l-artist ċelebri Dimitri Grigorevic Levitzky li l-istess imperatriċi kkummissjonat bħala rigal lill-Granmastru De Rohan.

Il-kuratur ta’ Heritage Malta, Emmanuel Magro Conti qal li din il-pittura li waslet Malta fl-1790 għandha valur artistiku, storiku u diplomatiku importanti.

Emmanuel Magro Conti qal “aktarx li din il-pittura hija l-ewwel waħda tal-Imperatriċi Katarina mogħtija bħala simbolu ta’ rigal kif kien qed jagħmel il-Punent fosthom Franza u l-Ingilterra f’diplomatic gifts fil-forma ta’ portraits”.

Hu stmat li hawn mal-120 pittura ta’ Levitzky u din hi l-unika waħda li ħarġet mir-Russja f’dak il-perjodu.

Pierre Bonello qal li l-pittura tant hi prestiġjuża li l-awtoritajiet Russi talbu lil Heritage Malta biex jissellfuha għal ftit xhur ghall-ftuħ ta’ parti minn palazz enormi fil-periferija ta’ Moska li l-Imperatriċi stess kienet talbet li jinbena.

Pierre Bonello qal “biex litteralment għal ħames xhur mit-18 t’Awwissu sas-17 ta’ Jannar kull min se jżur il-Palazz, jintlaqa’ minn dan il-kwadru”.

Fuq dan il-kwadru, ir-restawratriċi Amy Sciberras għadha kif lestiet xogħol estensiv u metikoluż ta’ konservazzjoni u restawr.

Spjegatilna li x-xogħol kien jinkludi t-tneħħija tas-saff tal-verniġ antik u t-tindif ta’ rtokk u ġibs antik li kien qed jgħatti partijiet oriġinali u interventi oħra biex it-tiela ma tibqax imbewqa.

Amy Sciberras qalet “Levitzky kien pittur ta’ kwalità illi x-xogħol tiegħu tant hu fin u tajjeb illi anke aħna bħala Maltin aħna onorati li fil-Palazz il-Belt għandna ix-xogħol tiegħu”.

Minbarra dan il-kwadru, bħalissa fil-laboratorji ta’ Heritage Malta għaddej xogħol impenjattiv fuq kważi mija u ħamsin kwadru ieħor li hemm il-Palazz tal-Granmastri li ħafna minnhom qed jgħaddu minn proċessi ta’ konservazzjoni sofistikati ħafna.

Anthony Spagnol qal “hawn qed naraw kif tiela detterjorata – ħafna pitturi madwarna huma mpittra fuq it-tiela – il-kanvas li tkun deterjorata nwaħluha ma’ tiela oħra biex aħna nagħtu aktar stabbiltà lil pittura li hemm fuq it-tiela u hekk tiġi ppreservata aktar”.

Il-kwadru ta’ Katrina l-Kbira se jerġa’ jinġieb Malta f’Jannar li ġej u mistenni jerġa’ jkun esebit fil-Palazz li bħalissa għaddej minn xogħol estensiv ta’ restawr. Ix-xogħol ta’ restawr u konservazzjoni fuq il-pittura ġie ffinanzjat mill-grupp Corinthia li għandu diversi investimenti u interessi kummerċjali fir-Russja.

Aħbarijiet Oħra
Stejjer Umani

Għalkemm il-Maltin ikunu qed jistennew is-sajf bil-ħerqa biex jaqtgħu xi ftit mir-rutina ta’ kuljum tax-xogħol, mhux l-istess jista’ jingħad għal Alfred Attard li ilu aktar minn 40 sena jiġbor il-melħ…

Stejjer Umani

Omm Maltija ta’ żewġt itfal żgħar ilha sitt ġimgħat ma tara lil uliedha, u tisħaq li ma tafx x’sar minnhom. L-omm, li isimha mhux qed jixxandar fl-interess tat-tfal, ix-xahar li…

Kultura

Aktar minn 100 kwadru ta’ arti fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti tneħħew minn posthom minħabba l-moffa li żviluppat fil-binja. F’kummenti lil TVM, il-Kuratur tal-MUŻA, Kenneth Cassar, spjega li l-opri tal-arti tneħħew minn…

Qorti

Raġel ta’ 31 sena li joqgħod Birżebbuġa wkoll ingħata l-ħelsien mill-arrest b’depożitu ta’ elf ewro u garanzija ta’ għaxart elef ewro wara li tressaq il-Qorti mixli li attakka, insulta, hedded…

Aktar