Lokali
Pittura ta’ artist Malti tingħata lill-Papa Franġisku mill-Prim Ministru

L-enċikliċi tal-Papa Franġisku jitkellmu biċ-ċar dwar l-inġustizzji u l-indifferenzi. Iżda l-ġimgħa l-oħra huwa rċieva bħala rigal, pittura ta’ artist Malti li proprju tirifletti l-istess messaġġ.

Pawlu ta’ Tarsu, jew aħjar San Pawl, huwa figura speċjali għalina l-Maltin. L-appostlu tal-ġnus u karattru prinċipali fl-iżvilupp u t-tixrid tal-Kristjaneżmu jiġi ċċelebrat kull nhar l-10 ta’ Frar meta Malta tfakkar il-miġja tiegħu f’Malta, bl-istorja miktuba wkoll fl-atti tal-appostli. L-istorja tgħid li Pawlu ntlaqa’ mill-Gvernatur tal-gżira, li tah kenn minnufih mill-maltemp li wasslu fi gżiritna.

Dan il-kapitlu bibbliku serva bħala l-ispirazzjoni għall-pittura ta’ Nathanel Theuma li l-ġimgħa l-oħra ġiet ippreżentata lill-Papa waqt l-ewwel żjara uffiċjali li għamel il-Prim Ministru Robert Abela lill-qdusija tiegħu l-Papa Franġisku.

F’kummenti ma’ Television Malta s-Sur Theuma, li wettaq diversi xogħlijiet artistiċi fi knejjes u monasteri mxerrdin mal-Italja, il-Greċja u wkoll fl-Art Imqaddsa, spjega li l-arti għandha messaġġ ċar – il-paċi, minkejja d-differenzi ta’ kull wieħed u waħda minna.

“Nafu tajjeb li fir-realtà Pawlu kien ħabsi, immigrant nawfragu. Publiju għal Pawlu kien pagan, minkejja din id-differenza kollha l-Vanġelu rnexxielu jagħmel minn dan kollu tgħanniqa ta’ mħabba bejn l-aħwa.”

Huwa esprima s-sodisfazzjon tiegħu li din l-ikona ġiet mgħotija lill-mexxej tad-dinja Kattolika, aktar u aktar meta wieħed iqis li dan huwa messaġġ fiċ-ċentru tat-tgħalim tal-Papa Franġisku.

Apparti din il-pittura fuq talba tal-Papa Franġisku stess, l-istat Malti ta 7,000 test kit għall-covid kif ukoll numru ta’ kutri biex jingħataw lill-foqra. Dan apparti li l-Papa ngħatawlu wkoll ħwejjeġ u rigali li nġabru waqt l-attivita’ mtella’ mis-Sinjura Lydia Abela ‘Rigali b’Imħabba.’