Lokali
Pjan biex fi 3 snin ikun hawn ċentru tas-saħħa f’kull lokalità

Sena mill-ftuħ taċ-Ċentru tas-Saħħa f’Ħal Kirkop, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li 200,000 pazjent użaw is-servizz ta’ dan iċ-ċentru fl-aħħar tnax-il xahar.

F’konferenza tal-aħbarjiet, Dr Fearne qal li l-Gvern huwa impenjat li jiftaħ aktar ċentri tas-saħħa biex il-kura primarja tkompli tingħata prijorità fis-servizzi tas-saħħa.

“Għandna pjan ambizzjuż ħafna biex fuq medda ta’ tliet snin ikollna ċentru tas-saħħa f’kull belt u raħal f’kull f’Malta u Għawdex.”

Il-Ministru Fearne qal li kull Gvern investa fil-qasam tas-saħħa, iżda qal li din l-amministrazzjoni qed tagħti ħafna importanza lill-kura fil-komunità.

“Nemmnu li dak li noffru fl-isptarijiet tagħna għandu jkun mibni fuq dak li nistgħu noffru fil-komunità u allura qed naħdmu biex xi servizzi ta’ outpatients li jingħataw fl-isptarijiet inkunu nistgħu noħorġuhom fil-komunità.”

Il-Ministru Fearne qal li l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi u d-Dipartiment tal-Kura Primarja għaddejjin b’diversi proġetti ta’ xogħlijiet fosthom bini ta’ ċentru tas-saħħa ġdid fir-Rabat Għawdex.

Dr Fearne qal li fil-jiem li ġejjin ser tinħareġ sejħa għall-interess għal bini ta’ ċentru tas-saħħa reġjonali fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta, waqt li bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet fuq l-ewwel ċentru tas-saħħa reġjonali f’Raħal Ġdid biex jaqdi l-ħtiġijiet mediċi tar-residenti fin-naħa t’isfel ta’ Malta.

Il-Ministru Fearne qal li f’Ottubru se jinfetaħ ċentru tas-saħħa ġdid f’Ħaż-Żabbar u jitlesta xogħol ta’ rinovar f’dak taż-Żejtun. Huwa qal li sal-ewwel nofs tas-sena d-dieħla ser jinfetħu ċentri tas-saħħa f’Marsaxlokk, il-Birgu u l-Belt, waqt li ser isir xogħol ta’ rinovar fil-bereġ ta’ Santa Luċija, Ħal Għaxaq u Ħal Tarxien. Żied jgħid li ser jiġu mfittxija postijiet għal ċentri fil-Ħamrun u l-Kalkara.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-ġmiel ta’ pitturi li jiksu l-ħitan tal-kappella privata f’Palazzo De La Salle, li jinsab fil-parti t’isfel ta’ Triq ir-Repubblika, il-Belt, jistgħu jerġgħu jiġu apprezzati mill-pubbliku hekk kif tlesta r-restawr tagħhom….

Għawdex

Waqa’ fil-muta l-arloġġ taċ-Ċittadella f’Għawdex. Il-mekkaniżmu tal-arloġġ li għandu kważi mitejn u ħamsin sena żżarma minn postu u qed jiġi restawrat għand kumpanija ta’ arluġġara f’Għawdex stess. Il-mekkaniżmu mistenni jitreġġa’…

Kunsilli Lokali

Is-Sindki ltaqgħu madwar mejda biex jiddiskutu l-viżjoni tagħhom għall-erba’ snin li ġejjin. Matul il-laqgħa, diversi sindki qajmu kwistjonijiet li qed jiffaċċjaw li qalu qed ixekkluhom milli jħarsu fit-tul. Il-viżjoni, li…

Lokali

Il-Moviment Graffitti għamel applikazzjoni mal-Awtorità tal-Artijiet biex jamministra l-Bajja tal-Balluta. Il-moviment qal fi stqarrija li għamel dan fi sforz li tiġi evitata l-kummerċjalizzazzjoni ta’ dan l-ispazju pubbliku u sabiex il-bajja…

Aktar