Avjazzjoni
5 ġimgħat ċans biex l-Air Malta tippreżenta pjan għall-għajnuna mill-istat

Fi żmien ħames ġimgħat l-Air Malta permezz ta’ tim ta’ esperti se tkun qed tressaq pjan biex Malta tingħata permess mill-Kummissjoni Ewropea sabiex il-linja tal-ajru nazzjonali tingħata l-għajnuna statali bil-għan li tibqa’ fuq saqajha.

Intervistat fil-programm Insights fuq Television Malta, iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Air Malta David Curmi qal li l-pandemija aggravat il-problemi finanzjarji li kienet ilha ġġorr il-linja nazzjonali tal-ajru.

“Il-Covid tatna daqqa kbira li qed naħarqu ħafna cash. U din kienet l-epserjenza tal-Air Malta. Kellna ħafna min dawk il-fixed costs li ħrqana l-cash. Jien qed nipprova naqlibhom variables. Biex jekk l-ajurplani qed itiru qed inħallsu u meta mhux qed itiru jħallsu anqas. Ma tistax meta tkun sejjer ħażin tibqa tħallas dawk l-ispejjeż kollha.”

Mistoqsi dwar l-ispiża kurrenti, is-Sur Curmi wieġeb li fis-sena qed toħroġ €220 miljun. Huwa qal li l-Air Malta tħaddem elf ruħ u f’pagi biss tħallas mal-€50 miljun fis-sena. Irrimarka li hemm wisq nies ghall-kumpanija u qal li hemm medja ta’ 130 persuna ghal kull ajruplan. F’dan l-isfond semma kif l-operat tal-ground handling li jiswa lill-kumpanija €10 miljun fis-sena se jibda jsir minn kumpanija terza.

Dwar it-triq ‘l quddiem, is-Sur Curmi qal li l-passport tal-vaċċin se jkun kruċjali għall-kumpanija.

“Dan se jkun turning point tal-futur tal-ivjaġġar sa’ jumejn ilu stess bagħat imejl lil MTA biex nispjegalhom l-importanza. Il-periklu huwa li se jkun hemm iktar minn wieħed. Aħna nafu li l-IATA se tniedu t-travel pass u diġa qed hemm trial runs. Pero aħna qed nissaportjawh hemm inizjattivi oħra fl-Ewropa biex jagħmlu iktar kemm se jkun hemm sistemi iktar tkun ineffiċjenti.”

Is-Sur Curmi kkonferma li l-AirMalta se jkollha flotta ġdida fi żmien 3 snin oħra. Filwaqt li qal li minn April li ġej hemm ippjanati 27 titjira fil-ġimgħa, is-Sur Curmi sostna li l-linja tal-ajru nazzjonali mhux bi ħsiebha toffri titjiriet lejn pajjiżi mbeghda fosthom l-Indja u l-Istati Uniti iżda ghandha pjan biex mill-ġdid tibda ttir lejn il-Libja.