Ambjent
Pjan għar-riġenerazzjoni tas-siġar fil-Miżieb

L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi u l-Ambjent Malta fasslu pjan għar-riġenerazzjoni tas-siġar fil-Miżieb wara l-qerda li ħallew in-nirien il-ġimgħa li għaddiet. Il-pjan jipproponi diversi interventi iżda jridu jgħaddu s-snin biex l-afforestazzjoni fil-Miżieb terga lura għal li kienet.

Filmati miġbuda mill-ajru jagħtu stampa iktar ċara tal-ħerba li ħallew in-nirien fi tmiem il-ġimgħa li ghaddiet fil-Miżieb.

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, u Ambjent Malta għamlu analiżi estensiva tal-ħsara li saret fuq medda kbira ta’ art fil-Miżieb, sitt darbiet daqs il-fosos tal-Floriana.

Maria Masini, uffiċjal tal-ERA, qalet li 180,000 metru kwardu mill-masġar ġew affettwati min-nirien b’ħafna siġar tal-Prinjol u taż-Żnuber inqerdu għalkollox. Hija qalet li dawn huma fost l-aktar siġar li jieħdu n-nar malajr u l-weraq li jwaqqgħu jwasslu biex in-nirien jinfirex aktar malajr. Żiedet tgħid iżda li ż-żerriegħa tagħhom tista’ terġa’ tnibbet u dan ser ikun ukoll parti mir-riġenerazzjoni li ser issir.

L-awtoritajiet qed jipproponu wkoll it-tħawwil ta’ varjetà ta’ siġar oħra iżda biex dan isir trid tiżdied il-ħamrija.

Maria Masini qalet “biex iżżid il-biodiversità bi speċi differenti ta’ siġar dawn ikunu jridu ammonti differenti u ħamrija fonda. Waħda mir-raġunijiet li nfirex in-nar kien minħabba li kien hemm ħafna siġar maqlugħin mill-għeruq minħabba n-nuqqas ta’ ħamrija.”

Qalet li apparti li għandhom jitħawlu siġar taċ-Ċipress u siġar tal-Għargħar għax ma jaqbdux malajr, għandhom jitħawlu wkoll il-pal tal-bajtar tax-xewk.

Maria Masini qalet “għalkemm dan mhux speċi Maltija rridu nintroduċuh bħala fire breaker mal-ħitan tas-sejjiegħ biex in-nar ma jmurx lil hinn.”

L-awtoritajiet qed jesiġu li jkun hemm sistemi tal-ilma adegwati.

Maria Masini qalet “dan jista’ jsir permezz li jkun hemm pipline ta’ New Water fil-Miżieb Area li minnu se jkun hemm iktar aċċess kemm biex issir irrigation minħabba s-siġar li ser jiġu mħawwla kif ukoll f’każijiet oħra t’emerġenza ta’ nirien.”

L-uffiċjal qalet li waqt li l-awtoritajiet qed jagħmlu l-almu tagħhom biex jiġi identifikat pjan biex iż-żona tiġi riġinerata bl-aħjar mod possibbli u b’interventi li jħallu l-inqas impatt ekoloġiku, il-pubbliku jrid jagħmel il-parti tiegħu u jżomm l-indafa.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Prim Ministru Joseph Muscat jinsab il-Montenegro fejn iżjed tard illum se jinawgura proġett tat-turbini tar-riħ f’Mozura li sar b’investiment multi-miljunarju mill-kumpanija International Renewable Energy Development magħmula minn kosorzju li jinkludi…

Lokali

Karmenu Vella rċieva medalja ta’ Ordni ta’ San Charles mill-Prinċep Albert II ta’ Monako. Iċ-ċerimonja saret ilbieraħ mill-Palazz tal-Prinċep. Matul dawn l-aħħar ħames snin, Karmenu Vella ħadem fil-qrib mal-Prinċep f’diversi…

Ekonomija u Finanzi

Fi stqarrija, il-bank HSBC qal li se jkun qed inaqqas l-impjieg ta’ 180 ħaddiem bi skema volontarja ta’ irtirar. Il-bank qal li din l-iskema se tiswa mal- €16 miljun u…

Aktar