Pjanist ta’ 11-il sena se jirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Young Musicians

Il-pjanist Dmitry Ishkhanov ta’ 11-il sena se jirrapreżenta lil Malta fil-Eurovision Young Musicians f’Cologne, il-Ġermanja, f’Settembru li gej. Dmitry intgħażel biex jieħu sehem f’dan il-festival wara sejħa għall-mużiċisti mill-Public Broadcasting Services. Meqjus bħala ġenju, Dmitry ilu jdoqq il-pjanu sa minn mindu kellu 4 snin.

Dmitry Ishkanov ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar tmien snin flimkien ma’ familtu li hija minn Moska, fir-Russja. Dmitry llum għandu 11-il sena, iżda sa mill-età ta’ tliet snin spjegalna kif ħass ġibda kbira li jibda jitgħallem il-pjanu.

Kemm ilu jdoqq il-pjanu, sa minn mindu kellu biss 4 snin, Dmitry rebaħ kompetizzjonijiet mużikali prestiġġjużi fosthom fl-Italja, fil-Ġermanja, fil-Belġju, u fi Spanja. Barra minn hekk Dmitry paxxa udjenzi internazzjonali f’festivals u kunċerti kbar fi New York, f’Washington, f’Philadelphia, f’Pariġi, f’Ruma, u fi Vjenna. Minbarra li jitkellem b’mod fluwenti bl-Ingliż u r-Russu, Dmitry jitkellem ukoll bil-Ġermaniż u bl-Ispanjol.

Staqsjenieh kif qed iħossu l-fatt li se jirrapreżenta lil Malta f’festival tant prestiġġjuż, u hu wieġeb, “it’s really an honour to represent Malta, which I’ve loved for seven years, it’s a real honour.”

F’Malta, jassisti lil Dmitry il-vjolinist Joseph Chetcuti li huwa mmeraviljat bit-talent ta’ dan it-tifel. Huwa qal, “bravissimu fil-pjanu, mhux biss bravu mil-lat tekniku, imma għandu l-qalb tiegħu tismagħha fuq il-pjanu, kapaċi joħroġ dawk l-emozzjonijiet.”

Fil-Eurovision Young Musicians, f’Cologne, f’Settembru li gej, se jieħdu sehem għaxar pajjizi, fosthom il-Ġermanja, l-Awstrija, l-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovenja, l-Iżvezja u l-Polonja. Din hija t-tieni darba li Malta qed tieħu sehem f’dan il-festival organizzat mill-European Broadcasting Union.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

It-temi marbuta mal-Unjoni Ewropea li fl-aħħar jumejn ġew diskussi fil-Kunsill Ewropew fi Brussell, qed ikomplui jiġu diskussi llejla f’Villa Francia f’Ħal-Lija, f’working lunch bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Prim…

Brexit

L-aħħar Kunsill Ewropew taħt il-Presidenza Awstrijaka ntemm fi Brussell bi ftit li xejn progress fuq il-kwistjoni Brexit. Il-Prim Ministru Ingliża Theresa May dehret iffastidjata b’kummenti tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker…

Ikel

L-awtoritajiet edukattivi u tas-saħħa komplew isostnu d-deċiżjoni li ttieħdet biex fil-parties tat-tfal fl-iskejjel, l-ikel u x-xorb provdut ikun skont lista approvat biex ikun evitat ċertu ikel li mhuwiex tajjeb għas-saħħa….

Parlament

L-Ispeaker Anġlu Farrugia inawgura wirja artistika b’riżq id-Dar tal-Providenza li qed tittellgħa fil-Parlament ta’ Malta. L-Ispeaker Farrugia faħħar lill-fundatur tad-Dar tal-Providenza, il-Monsinjur Dun Mikiel Azzopardi, li ddedika l-ħidma pastorali tiegħu…

Aktar