Lokali
Pjanista żagħżugħa se tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Young Musicians 2018

Bernice Sammut Attard se tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Young Musicians li se jsir f’Edinburgu f’Awwissu li ġej. Bernice kienet fost l-4 pjanisti finalisti, 3 tfajliet u ġuvni, li ħadu sehem fl-għażla lokali tal-konkors għall-mużiċisti żgħażagħ u li l-finali tiegħu xxandret l-Erbgħa filgħaxija fuq TVM2.

Fl-ewwel reazzjoni tagħha, Bernice qalet, “Ma stennejtux li se jkun hekk ir-riżultat għaliex kienet kompetizzjoni veru diffiċli. Kburija u ferħana ħafna li se nirrappreżenta lil Malta f’Awwissu li ġej f’Edinburgh. Se nagħmel l-aħjar li nista’ u Malta tkun kburija bija.”

Bernice Sammut Attard għandha 18-il sena u qed tistudja l-pjanu u l-vjolin fl-iskola tal-mużika ta’ Chetham f’Manchester. L-ambizzjoni tagħha hija li tkompli bl-istudji tagħha fil-Konservatorju Rjali tal-Iskozja fi Glasgow. Hija irnexxielha tikseb suċċess f’diversi konkorsi, filwaqt li daqqet fl-Ingilterra, l-Iskozja, Wales, il-Polonja, il-Ġermanja, il-Belġju, l-Olanda u r-Russja.

“Tibżgħux tmorru barra u tagħmlu l-aħjar li tistgħu. Tibżgħux tgħidu li tridu tagħmlu xi ħaġa differenti. Il-mużika mhix xi ħaġa li kulħadd jagħmel u hemm ħafna jemmnu li ma tistax tagħmel karriera bil-mużika, imma min irid u min jaħdem żgur jirnexxielu,” qalet Bernice.

Meta se tikkompeti fil-Eurovision Young Musicians f’Edinburgu, il-pjanista żagħżugħa se ddoqq silta ta’ 18-il minuta waħidha fis-semifinali li fiha se jieħdu sehem mużiċisti minn 18-il pajjiż Ewropew. Għall-finali tat-22 ta’ Awwissu jridu jgħaddu 6 finalisti li jdoqqu silta mużikali akkumpanjati minn orkestra.

Tistgħu ssegwu l-programm li sar fuq TVM2 hawnhekk:

Eurovision Young Musicians

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Marlene Schranz ta’ 75 sena kellha parti ċentrali f’film bi storja traġika, tant li ħasbitha darbtejn taċċettax jew le, li taħdem il-parti ta’ mara anzjana li qed tmut kawża ta’…

Lokali

Restawrata l-kolonna li ma kinitx fid-disinn oriġinali tat-Tritoni. Se titpoġġa fi ġnien f’Tas-Sliema b’tifkira tal-artist Ċensu Apap. Ġnien George Bonello du Puis f’Tas-Sliema se jilqa’ l-kolonna li għal aktar minn…

Lokali

It-tindif u l-manutenzjoni fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar se jingħata spinta fix-xahrejn tas-sajf bis-saħħa ta’ ftehim bejn il-kunsill lokali u d-direttorat tat-tindif u l-manutenzjoni. Il-Gvern se jħallas nofs l-ispiża għas-servizz…

Lokali

Matul is-sena li għaddiet kien hemm total ta’ 728,470 immigrant li applikaw għall-kenn f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, tnaqqis ta’ 44% meta mqabbel mal-2016. Skont ir-rapport annwali tal-aġenzija tal-Unjoni Ewropea EASO, kuntrarju…

Aktar