Pjanta fl-uffiċċju veru tista’ tibdillek il-burdata?

Il-limitazzjonijiet tal-ġonna f’lokalitajiet urbani huma fatt li ilna naħdmu biex nindirizzaw f’pajjiżna. F’dawn l-aħħar xhur rajna l-introduzzjoni ta’ green walls jew aħjar ġonna vertikali f’diversi postijiet f’pajjiżna. Dan il-kunċett jista’ jiġi adattat anke għad-djar u l-uffiċini.

Tkellimna ma’ Darren Cutajar, horticulturist b’iktar minn għoxrin sena esperjenza f’kumpanija ta’ landscaping. Huwa spjegalna li l-ġonna vertikali huma soluzzjoni iktar prattika biex tinkorpora ambjent ħadrani fi spazji limitati. Żied jgħid li fil-mument il-kunċetti relattivament ġodda tas-soqfa ħodor u l-ġonna vertikali qed iżidu fil-popolarità għaliex apparti l-benefiċċji li joffru huma xi ħaġa innovattiva li ssebbaħ l-ambjent ta’ fejn tkun. Il-pjanti tradizzjonali jieħdu ħafna spazju filwaqt li ġnien vertikali jkun ċatt mal-ħajt u jinkorpora fih ħafna iktar pjanti fi spazju iżgħar li sussegwentement joffru iktar ossiġenu fl-ispazju fejn dan il-ġnien ikun jinsab

Bħala mistieden waqt il-programm, Peter Calleja, konsulent tal-ortikultura u lettur, tenna li l-kunċett ta’ ġonna vertikali qegħdin jagħmlu l-ħajja ħafna iktar faċli għaliex is-sistema minnha nnifisha tgħinek iżomm il-pjanta f’saħħitha. Żied jgħid li huwa fundamentali li jiġu nkorporati xi pjanti fl-uffiċini għaliex il-pjanti jagħtu ċertu enerġija pożittiva lil bniedem. Kemm il-pjanti kif ukoll il-ġonna vertikali joffru mhux biss benefiċċju estetiku iżda wkoll benefiċċji ambjentali u oħrajn għal saħħitna.