Kultura
Pjazza San Franġisk fir-Rabat b’monument għall-qaddis tal-faqar u l-umiltà

Il-qaddis li jirrappreżenta l-faqar u l-umiltà sarlu monument fi pjazza msemmija għalih fir-Rabat, Għawdex. Il-monument lil San Franġisk t’Assisi nħadem fil-bronż f’funderija f’Ruma.

Sena mill-inawgurazzjoni tat-tisbiħ ta’ Pjazza San Franġisk fir-Rabat Għawdex, il-proġett ġie komplut f’dawn il-ġranet bl-inawgurazzjoni ta’ monument li jirrappreżenta l-qaddis li l-pjazza ġġib ismu.

Ix-xogħol sar mill-artist żagħżugħ Manuel Farrugia li għalih il-monument għandu tifsira speċjali billi hu twieled, trabba u għex f’din il-pjazza u stqarr li dejjem xtaq li jsir xi ħaġa ta’ din ix-xorta hawnhekk. B’għoli ta’ 3 metri, l-istatwa tiżen mat-tunellata.

“Hu magħmul fil-bronż fil-funderija artistika Domus Dei f’Ruma. Mort għal xhur biex nagħmel dan ix-xogħol fil-bronż hemmhekk. Il-pedestall hu wiehed maħdum b’mod oriġinali, disinjat minni biex jikkumplimenta l-istatwa. Xogħol magħmul fil-ġebla tal-qawwi tal-Qala u qgħadt attent li jiżżewweġ b’mod sabiħ mal-embellishment li sar riċentament f’din il-pjazza.”

L-iskultura tirrappreżenta lil San Franġisk t’Assisi b’idejh miftuħin fi stedina biex in-nies jingħaqdu miegħu fit-talb tal-kantiku “l-Għanja tal-Ħolqien” miktuba minn San Franġisk stess u li tant baqgħet popolari tul is-snin. Fin-nofs tal-pedestall hemm ċirku kbir tal-bronż, interzjat ġol-ġebla tal-qawwi, li fuqu hemm miktub l-ewwel strofa tal-kantiku.

“Għamiltu b’saqajh pass ‘il quddiem li jfisser li Franġisku għadu ħaj, mhux fil-fiżiku imma fit-tagħlim u t-talb tant sabiħ li ħalla.”

Din il-pjazza fejn insibu l-Ministeru għal Għawdex, il-kunvent u l-knisja tal-patrijiet Franġiskani, residenzi u anke stabbilimenti kummerċjali, hi waħda passaġġa billi minna jgħaddu diversi fi triqithom lejn diversi lokalitajiet Għawdxin.