Turiżmu
Pjazza Spinola se tingħata wiċċ ġdid – xogħol ta’ riġenerazzjoni f’Paceville

Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, qal li l-Gvern qed ifassal strateġija għas-settur tal-esports bl-għan li l-industrija turisitka jkollha niċċa oħra biex tattira iżjed turiżmu lejn Malta.

Waqt li indirizza s-sitt edizzjoni tal-Forum tat-Turiżmu fil-Mediterran, Dr Muscat qal li bl-istess mod kif Malta attirat turisti b’avvenimenti mużikali kbar, għaddejja ħidma biex jiġu attirati turisti mill-qasam sportiv. Il-Prim Ministru qal li trid tissokta l-ħidma għal iżjed turisti ta’ kwalità.

Fis-sitt Forum tat-Turiżmu fil-Mediterran, il-Prim Ministru Joseph Muscat, qal li s-settur turistiku huwa kruċjali għat-tkabbir ekonomiku. Dr Muscat qal li l-pajjiż irid jibda jħares lejn il-kwalità tat-turisti li jiġu f’Malta. Qal din il-viżjoni titlob investiment kontinwu fiż-żoni turistiċi.

Il-Prim Ministru rrefera għall-iżviluppi teknoloġiċi u diġitali u qal li dawn joffru opportunità biex il-prodott turistiku jitjieb fosthom fil-qasam tal-esports. Qal li l-Gvern hu konxju tal-opportunitajiet li joffri dan il-qasam u għalhekk qed jaħdem fuq strateġija għal dan is-settur. Dr Muscat qal li Malta diġà rnexxielha tattira turisti żgħażagħ permezz ta’ avvenimenti mużikali kbar u l-istess se jsir fit-turiżmu sportiv.

Quddiem aktar minn elf delegat minn 36 pajjiż, Dr Muscat qal li s-sena l-oħra Malta rat żieda fit-turisti mill-Istati Uniti, Spanja, l-Awstralja, l-Awstrija u Franza. Hu qal li s-sena l-oħra ġew Malta 2.6 miljun turist. Il-Prim Ministru qal li dawn ir-riżultati huma ċertifikat li Malta hi fost l-inqas pajjiżi fil-Mediterran li tintlaqat mill-istaġjonalità. Żied jgħid li dawn ir-riżultati huma frott konnettività aħjar bejn il-pajjiżi u t-tkabbir fl-industrija tal-cruise liners.

Dr Muscat qal li l-Gvern diġà analizza l-impatt li jħalli Brexit fuq l-industrija tat-turiżmu speċjament jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim. Qal li jekk dan ix-xenarju jseħħ, il-probabbiltà hi li jwassal għal ċaqliq mhux normali bejn l-Isterlina u muniti oħrajn, fosthom l-Ewro. Għal dan ix-xenarju, qal Dr Muscat, l-Awtorità għat-Turiżmu qed timplimenta pjani ta’ azzjoni biex tpatti għal dawn l-effetti.

Fl-intervent tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi qal li din is-sena se jibda x-xogħol ta’ riġenerazzjoni f’Paceville biex titjieb l-esperjenza turistika f’din iż-żona. Il-Ministru Mizzi qal li hemm allokati €10 miljuni għall-ewwel fażi.

Il-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi qal ”se tolqot Pjazza Spinola li se tinfetaħ fi pjazza kbira u sabiħa. Se tolqot l-entratura ta’ PV, in-naħa tal-Westin, il-main square fejn hemm il-Burger King u diversi areas oħrajn ta’ din il-lokalità tant importanti. Id-designs huma innovattivi ħafna u fil-ġimgħat li ġejjin se nħabbruhom mal-istakeholders u nirfinawhom flimkien mal-business community, tourism representatives u r-residenti wkoll.”

Il-President, Marie-Louise Coleiro Preca, qalet li l-industrija tat-turiżmu tista’ sservi ta’ pont biex ikun hemm il-paċi. Qalet li t-turiżmu jikkontribwixxi biex jitħares l-ambjent u jitnaqqas il-faqar bil-ħolqien ta’ impjiegi ġodda li jimxu id f’id mal-ambjent.

Il-Forum iddiskuta fost oħrajn kif it-turiżmu jista’ jkun sostenibbli, fosthom bit-tnaqqis tal-konsum fl-enerġija.

Il-Kofundatur tal-Fondazzjoni għat-Turiżmu fil-Mediterran, Andrew Agius Muscat qal ”aspett li hu importanti ħafna f’lukanda hu l-enerġija, tinħela ħafna enerġija. Allura ħloqna din l-app u software li jgħin lil-lukandiera jikkontrollaw aħjar l-enerġija tagħhom biex b’hekk ikunu jistgħu jwaqqfu l-carbon foot print u jnaqqsu l-kontijiet.”

Il-Kofundatur tal-Fondazzjoni għat-Turiżmu fil-Mediterran, Andrew Agius Muscat, spjega li l-lukandiera se jingħataw taħriġ dwar dan is-software. Qal li l-lukandiera li jilħqu l-miri stabbiliti, jiġu ppremjati finanzjarjament biex jinvestu f’enerġija sostenibbli.

 

Aħbarijiet Oħra
Air Malta

Il-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi qal li fil-jiem li ġejjin se jitħabbru riżultati finanzjarji pożittivi għal-linja nazzjonali tal-ajru. Fil-ftuħ tal-fiera annwali tal-ivjaġġar, l-AMITEX, il-Ministru qal li l-viżjoni tal-Gvern hi li l-Air…

Politika

Fi Brussell, kien hemm ukoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, li attenda għal-laqgħa tal-kapijiet tal-partiti membri tal-Partit Popolari Ewropew. Stqarrija tal-Partit Nazzjonalista kkowtat lil Dr Delia jgħid li jeħtieġ li…

Politika

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li r-realtà fid-drama dwar Brexit hi li jiġri x’jiġri, l-UE se tkun qed ittawwal il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE b’ġimgħa biss, għax jekk il-ġimgħa d-dieħla il-Parlament…

Sport

Sens kbir ta’ sodisfazzjon u arja ta’ festa fost il-kontinġent Malti li kkompeta fil-logħob dinji tal-Ispecial Olympics. It-28 atleta b’diżabbiltà intellettwali ġejjin lura Malta b’erbgħin midalja, 12 minnhom tad-deheb. L-atleti…

Aktar