Muscat: L-Oppożizzjoni fil-muta dwar ir-roħs fil-kontijiet

AĠĠORNAT: Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat qal fiż-Żurrieq li jekk l-Oppożizzjoni trid tittieħed bis-serjetà fuq l-ugwaljanza, mhux biżżejjed twaqqaf forum fi ħdanha iżda trid tivvota mal-Gvern fuq il-liġi tal-Unjoni Ċivili.

Dr Muscat qal li l-Gvern għandu l-mandat biex jagħmel din il-liġi u l-Oppożizzjoni m’għandhiex għalfejn tagħmel u-turn iżda timxi mal-pożizzjoni li kien iddikjara l-ekx Prim Ministru Lawrence Gonzi. Qal li Dr Busuttil m’għandux jibqa’ jagħti każ elementi estremisti.
Il-Prim Ministru staqsa għaliex l-Oppożizzjoni għadha siekta dwar ir-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Qal li huwa kien lest jiriżenja kieku ma żammx ma din l-wegħda. Dr Muscat qal li l-ex ministru Tonio Fenech u Dr Busuttil salvaw s-siġġu tagħhom fil-Parlament għaliex ma ntrabtux li jirriżenjaw meta kienu mistoqsija jekk jirriżenjawx jekk jorħsu l-kontijiet.
Il-Prim Ministru stqarr li jinsab nkwetat bil-każijiet tac-cyber bulling u bit-traġedji li fihom tilfu ħajjithom tfal li lanqas għalqu 16-il sena.  Filwaqt li semma li l-akbar għodda biex tiġġieled dan l-abbuż hija l-edukazzjoni qal li din il-problema hija prijorità li trid tkun indirizzata b’diversi miżuri u flimkien miż-żewġ naħat tal-kamra u l-istakeholders kollha nvoluti.
Dwar l-immigrazzjoni,  il-Prim Ministru qal li din hija kwistjoni umanitarja iżda wkoll hija kwistjoni ta’ sigurtà li fiha l-Gvern irid dejjem jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem.  Il-Prim Ministru qal li f’Malta hawn mal-1,000 ruħ li ma jikkwalifikawx għal protezzjoni u għalhekk iridu jintbagħtu lejn pajjiżhom.
Qal li għalhekk sar il-ftehim man-Niġerja biex n-Niġerjani jintbagħtu f’pajjiżhom bil-garanziji li ma jkunux torturati jew jintefgħu l-ħabs, kif qal li ġara meta l-Gvern preċedenti bagħat lura l-immigranti mill-Eritrea. Tenna l-impenn tal-Gvern li t-tfal immigranti ma jinżammux iżjed fid-detenzjoni.
Dr Muscat qal li l-Gvern hu favur in-negozju li jiġġenera x-xogħol iżda ma jistax jaqbel mad-deċiżjoni tal-MEPA li tat permess lil Freeport biex jagħmel it-tiswijiet tar-riggijiet taż-żejt. Għalhekk il-Gvern ser jappella mid-deċiżjoni.
Il-Prim Ministru rringrazzja lil George Abela tax-xogħol li wettaq fl-aħħar 5 snin u semma l-ħatra ta’ Marie-Louise Coleiro Preca u n-nomina ta’ Karmenu Vella ghal Kummissarju Ewropew u qal li huwa perswaz mir-rwol tagħom f’dawn il-karigi anke jekk n-nies tad-distrett ħassew li tilfuhom.
Il-Prim Ministru appella għall-għaqda nazzjonali u qal li l-Gvern se jibqa jaħdem favur l-ugwaljanza, t-tiġdid u l-innovazzjoni biex Malta issir l-art tal-opportunità għal kulħadd.