Plejer tal-cricket akkużat li ttortura lis-seftura minuri

Il-Pulizija fil-Bangladesh akkużat lill-plejer tal-cricket Shahadat Hossain u lil martu Jasmine Jahan Nritto Shahadat, b’akkużi ta’ tortura fuq l-ex-seftura tagħhom – tifla ta’ 11-il sena. Jekk jinstabu ħatja, l-koppja tista’ teħel snin twal il-ħabs. Bħalissa huma jinsabu bil-libertà proviżorja u qed jiċħdu l-akkużi li impjegaw u attakkaw minuri.

L-akkużi li resqu l-Qorti l-pulizija jinkludu li l-koppja kienet tittortura fiżikament lit-tifla. Il-bord tal-cricket tal-Bangladesh diġà ssospenda lill-plejer. Il-każ mistenni jinstema fit-12 ta’ Jannar.

It-tifla Mahfuza Akhter Happy, kienet instabet fit-triq f’Settembru b’diversi ġrieħi inkluż sieq miksura. Dak iż-żmien kienet qalet li kien ilha taħdem għall-koppja għal madwar sena. L-akkużi nħarġu taħt il-liġi li tipproteġi lin-nisa u lit-tfal mill-abbuż domestiku.