Lokali
AĠĠORNAT: Il-PM jgħid li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jitlob inkjesta dwaru – Adrian Delia jgħid li m’għandux jitlob investigazzjoni dwar l-allegazzjonijiet li għamlet dwaru DCG

Il-Prim Ministru Joseph Muscat fir-replika għad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni, evita li jitkellem fuq il-Budget u minflok tkellem dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Huwa qal li l-Gvern lest jagħmel kull ma jista’ biex jinqabad l-assassin u qed jikkunsidra rigal monetarju sostanzjali li min jgħin biex jinqabad min kien responsabbli.

Dr Muscat iddefenda l-istutizzjonijiet u qal li l-Gvern lest jaħdem għall-għaqda nazzjonali mingħajr ebda kundizzjoni. Il-Prim Ministru qal li huwa fl-interness nazzjonali li tkun magħrufa l-verità u qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia għandu jitlob inkjesta fuq l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħu mis-Sinjura Caruana Galizia u jiddikjara li jirriżenja jekk instabu ħjiel tagħhom kif għamel hu fuq il-każ Egrant.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li xtaq jitkellem fuq l-ewwel Budget bis-surplus u mingħajr taxxi frott ta’ erba’ snin ta’ ħidma. Qal iżda f’dak li ġara lis-Sinjura Caruana Galizia, ħadd ma jrid jaħrab dan il-mument li fih in-nisa u l-irġiel jintgħarfu mit-tfal. Dr Muscat qal li l-pajjiż kollu huwa diżgustat u l-poplu jistenna mill-politiċi juru t-triq kif il-pajjiż joħroġ aktar magħqud. Qal li l-Gvern bil-kuntrarju tal-Kap tal-Oppożizjoni ma jagħmel l-ebda kundizzjoni biex jaħdem għall-għaqda nazzjonali.

Dwar il-kitbiet tas-Sinjura Caruana Galizia, il-Prim Ministru qal li kellha ideat liberali li jaqbel magħhom u oħrajn b’elementi razzisti. Qal li kellha kitbiet profondi u studjati u oħrajn ta’ zekzik. Dr Muscat qal li kellu kuntatt magħha xi erba’ darbiet fosthom biex għamlitlu libell. Qal li ilu 20 sena fil-mira tal-kritika u l-attakki tagħha żdiedu u qal laħqu l-quċċata b’dik li sejjaħ l-invenzjoni dwar l-Egrant. Madankollu qal li qatt u mkien ma għajjarha, kif kien għajjarha l-Kap tal-Oppożizzjoni. Madankollu qal li huwa dispjaċut bil-kbir b’dan il-qtil u wera kompassjoni mal-familja tagħha u kellu kliem iebes għall-assisin li qal għamel ħsara wkoll lill-pajjiż.

Qal li s-Sinjura Caruana Galizia xehdet dak li kellha tixhed fl-inkjesti li talab huwa stess, iżda hija mhix ser tixhed fuq l-allegazzjonijiet tagħha fil-konfront tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Qal li huwa fl-interess tal-pajjiż li tkun magħrufa l-verità.  Il-Prim Ministru qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni m’għandux triq oħra ħlief li jagħmel bħalu u jitlob inkjesta fuq l-allegazzjoni dwaru u jintrabat bħalu li jirriżenja jekk jinstabu l-indizji kontrih. Il-Prim Ministru qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu problema kemm b’dak li qal hu u li qalu ta’ madwaru dwar is-Sinjura Caruana Galizia u dik li qalet hi dwaru. Dr Muscat irrefera għat-theddid li hija qalet li kellha min-nies qrib il-Kap tal-Oppożizzjoni u staqsa x’għamel Dr Delia fuq dan it-theddid.

Il-Prim Ministru kkritika l-imminar tal-istituzzjonijiet mill-Oppożizzjoni. Qal li għalkemm jistgħu jiġu kkritikati għandhom ikunu rispettati. Dr Muscat iddefenda l-Pulizija, l-Armata u l-Avukat Ġenerali mill-attakk fuqhom mill-Kap tal-Oppożizzjoni fis-seduta tat-Tlieta. Fakkar li dan l-Gvern għax jirrispetta dejjem l-istituzzjonijiet, ħadem mal-Avukat Ġenerali li nħatar mill-amministrazzjoni Nazzjonalista.

Dr Muscat fakkar li qabel l-2013 saru attakki fuq ġurnalisti meta nħarqu l-bibien tad-djar tas-Sinjura Caruana Galizia u ta’ Saviour Balzan u meta saret bomba mad-dar tal-Editur tal-Orizzont Frans Ghirxi. Bombi oħra saru fost oħrajn mal-uffiċċju ta’ Transport Malta. Qal li qed jgħid dan mhux biex jiġġustifika imma biex jagħti kuntest, għax ħadd dakinhar ma qal li m’għandhomx fiduċja fil-Pulizija jew fil-Maġistrat jew li l-libertà u d-demokarija kienet mhedda.

Il-Prim Ministru qal li l-Gvern ser jagħmel kull ma jista’ biex dal-qtil makabru li sejjaħlu staordinarju jissolva. Għalhekk qal inġibu l-esperti barranin li għandhom teknoloġija għal aspetti investigattivi fuq it-telefonija ċellulari. Il-Prim Ministru qal li għaddejjin kuntatti ma’ pajjiżi oħra biex jekk hemm teknoloġija oħra meħtieġa għall-investigazzjoni jinġiebu wkoll.

Qal li l-Gvern lest anke jilqa’ t-talba tal-President tal-Partit Popolari għal kull tip ta’ inkjesta u skrutinju fuq dal-każ. Il-Prim Ministru qal li jrid messaġġ ċar li kull min għandu informazzjoni għandu jmur biha għand il-Maġistrat inkwerenti li għandu l-fiduċja ta’ kulħadd. Dr Muscat qal li l-Gvern qed jaħseb biex jagħti rigal monetarju sostanzjali bla preċedent u protezzjoni lil min jikxef li min qabbad biex isir dan id-delitt u minn wettqu.

Reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista

Il-Kap tal-Oppozizzjoni Adrian Delia b’reazzjoni ghad-diskors tal-Prim Ministru fil-Parlament qal li ma jħossx fil-kuxjenza li għandu jmur għand il-Maġistrat inkwerenti biex jitlob li ssir investigazzjoni għall-allegazzjonijiet li għamlet dwaru Daphne Caruana Galizia.

Meta mistoqsi mill-ġurnalisti dwar dan, Dr Delia qal li huwa jkun lest li jikkopera fl-investigazzjoni f’każ li jintalab jagħmel dan u li jekk hemm l-iċken ħjiel huwa lest li jsofri l-konsegwenzi politiċi.

Mistoqsi dwar jekk investigax dak li kitbet Daphne Caruana Galizia stess meta allegat li hemm persuni qrib Dr Delia li qed jibgħatulha messaġġi ta’ theddid, huwa wieġeb li qatt ma waslitlu din l-informazzjoni.   Mistoqsi jekk jafx min huma dawk li allegatament bagħatulha messaġġi ta’ theddid, Dr Delia qal li qatt ma waslitlu informazzjoni f’dan is-sens.

Dr Delia qal li skont hu l-Prim Ministru Joseph Muscat ammetta li mhi se tintrefa’ l-ebda responsabbiltà politika għall-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

L-Awditur Ġenerali nnota li minkejja li żdiedu l-ispeċjalisti fid-Dipartiment tal-Outpatient tal-Isptar Mater Dei, il-ħin ta’ stennija għall-appuntamenti fl-outpatient għadu eċċessiv. L-Awditur Ġenerali qal li dawn iċ-ċirkostanzi ilhom ġejjin żmien twil,…

Lokali

Andre Bugeja ta’ 19-il sena u Massimo Fasanelli ta’ 18-il sena, it-tnejn minn Tas-Sliema, baqgħu miżmuma arrestati wara li tressqu l-Qorti mixlija li fil-lejl bejn it-8 u d-9 ta’ Settembru…

Lokali

Il-Kunsill Malti għall-Arti ppubblika l-applikazzjonijiet u r-regolamenti għal dawk li jixtiequ jipparteċipaw f’kompetizzjoni tal-presepji. Il-kompetizzjoni se tkun imqassma f’sitt sezzjonijiet, li jinkludu presepji mekkanizzati u dawk statiċi ta’ daqsijiet differenti….

Lokali

Tħabbar il-programm ta’ attivitajiet għall-kampanja internazzjonali dwar il-vjolenza kontra n-nisa, li se ddum għaddejja sittax-il ġurnata, mill-24 ta’ Novembru sal-10 ta’ Diċembru. Il-Kummissarju kontra l-Vjolenza Domestika, Joe Gerada, qal li…

Aktar