PM: Is-sitwazzjoni fil-Greċja mhix feliċi imma f’Malta m’għandniex għalfejn ninkwetaw

Il-Prim Ministru u mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat serraħ moħħ il-poplu Malti u Għawdxi li m’għandux għalfejn jinkwieta mis-sitwazzjoni kif se tiżvolġi fil-Greċja. F’intervent fuq One Radio, Dr Muscat qal li m’hemmx banek jew istituzzjonijiet finanzjarji Maltin li selfu jew għandhom xi isħma f’banek Griegi u għaldaqstant, jiġri x’jiġri, Malta u l-istituzzjonijiet finanzjarji tagħha mhux se jiġu affetwati.

Il-Prim Ministru u mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat qal li m’hemmx banek jew istituzzjonijiet finanzjarji Maltin li selfu jew għandhom xi isħma ma’ banek Griegi u għaldaqstant jiġri x’jiġri fil-Greċja mhumiex se jiġu affettwati. Dwar il-flus li Malta u pajjiżi oħra selfu lill-Greċja, Dr Muscat qal li dawn se jieħdu flushom lura, mhux bil-mod ideali iżda spjega li f’każ li l-Greċja ma tiffirmax il-ftehim mal-kredituri internazzjonali u toħroġ miż-Żona Ewro, il-Gvern Grieg xorta se jmur fis-swieq internazzjonali biex jissellef u f’dan il-każ jiskatta mekkaniżmu li permezz tiegħu jitħallsu l-kredituri tal-pajjiż.

F’rendikont dwar x’ġara fl-aħħar jiem fi Brussel, il-Prim Minsitru qal li saru diskussjonijiet fuq affarijiet li ma kienx hemm qbil dwarhom bejn il-kredituri internazzjonali u l-Gvern Grieg u li skont Dr Muscat ma kienux ta’ barra minn hawn. Żied li s-Sibt filgħodu mbagħad kulħadd stenbaħ għall-aħbar li l-Prim Ministru Grieg Alexis Tsipras ħabbar referendum għall-ġimgħa d-dieħla. Dr Muscat tenna li għalkemm il-Gvern Grieg għandu kull dritt jagħmel dan, huwa irresponsabbli. Qal li jekk xejn ir-referendum kellu jagħmlu qabel, għax nhar it-Tlieta jagħlaq iż-żmien meta l-Ġreċja trid tħallas lura €1.6 biljun lill-kredituri internazzjonali u spjega li minn nhar it-Tlieta sakemm isir ir-referendum bħal lum ġimgħa, il-Greċja se tkun bla flus u la se jitħallas il-Fond Monterju Internazzjonali u lanqas il-pagi u l-pensjonijiet tal-Griegi.

Il-Prim Ministru qal li l-Gvern Grieg qed iħeġġeġ lill-poplu biex jivvota kontra l-pakkett tal-kredituri internazzjonali u jekk jagħmlu dan, jibda proċess biex il-Greċja toħroġ miż-Żona Ewro. Jekk minn naħa l-oħra, il-poplu Grieg jivvota favur il-pakkett tal-kredituri internazzjonali, ikun iffisser li l-poplu mar kontra l-kelma tal-Gvern Grieg bir-riżultat li tinħoloq sitwazzjoni politika kontra l-Prim Ministru Tsipras.

F’intervista separata fuq ONE radio, Dr Muscat qabbel il-ftehim li ntlaħaq dwar l-immigrazzjoni ma’ polza tal-assigurazzjoni fejn issa f’sena Malta se tkun qed tieħu 300 refuġjat minn pajjiżi bħal Greċja u l-Italja fejn qed jidħlu 2,500 immigrant kuljum, imma taf li f’każ li ‘l quddiem ikollha kriżi wkoll, se ssib l-għajnuna. Il-Prim Ministru qal li grazzi għall-ħidma li qed issir mal-Italja din is-sena f’Malta daħlu biss 92 immigrant meta sa ftit snin ilu kienu qed jidħlu mat-300 immigrant f’ġimgħa.

Il-Prim Ministru stqarr li d-diskussjoni dwar l-immigrazzjoni waqt is-summit kienet waħda taħraq ħafna u li ħadet madwar tmien sigħat, għax kien hemm problema minn pajjiżi li mhux milqutin direttament mill-immigrazzjoni li bdew jistaqsu kif se jmorru lura d-dar u jgħidu lin-nies li l-Ewropa qed ġġiegħlhom jieħdu l-immigranti filwaqt li l-pajjiżi tal-Mediterran argumentaw kif setgħu imorru lura pajjiżhom u jgħidu lin-nies li l-Ewropa mhux ser tgħin.

Żied li ma kienx ikun għaqli kieku Malta ssuppervjat għax meta kellha kriżi bl-immigrazzjoni ħadd m’għenha u minflok Malta rebħet ir-rispett u l-kredibilità tal-pajjiżi l-oħra meta argumentat li għalkemm illum m’għandhiex kriżi bl-immigrazzjoni, xorta se tgħin lil min għandu. Dan qal il-Prim Ministru wasal biex intlaħaq ftehim dwar l-immigrazzjoni fejn issa l-piż tal-immigrazzjoni se jinqasam fuq il-pajjiżi kollha u mhux biss fuq il-pajjiżi fejn jidħlu l-immigranti. Ġie deċiż li dan il-piż jintrefa’ b’mod volontarju mill-imsieħba kollha fl-Unjoni Ewropea għajr għall-l-Ingilterra, l-Irlanda u id-Danimarka kif ukoll l-Ungerija u l-Bulgarija li għandhom problema huma wkoll bl-immigrazzjoni minn pajjiżi ġirien.

Dwar l-attakki terroristiċi tal-Ġimgħa, Dr Muscat qal li l-għadu mhux pajjiż imma organizazzjoni mxerrda f’diversi bliet u jkun żball jekk xi ħadd jikkonkludi li din hija ġlieda bejn ir-reliġjonijiet. Qal li attakk minnhom fil-Kuwajt sar f’Moseka fejn inqatlu nies Musulmani waqt it-talb tal-Ġimgħa. Fil-każ ta’ Franza li ġara seħħ minn persuna waħda li kienet taħdem fl-istess impjant fejn seħħ il-każ. Il-Prim Ministru qal li l-ebda grad ta’ sigurtà ma jista’ jipprevjeni attakk bħal dan filwaqt li dwar l-attakk fuq bajja fit-Tuneżija – pajjiż Musulman iżda b’kultura sekulari ħafna – seħħ ftit wara attakk simili f’mużew fuq persuni mid-dinja tal-Punent. Il-Prim Ministru qal li s-servizzi tas-sigurtà għaddejjin b’monitoraġġ u qal li f’każ li jkun hemm xi periklu huwa se javża minnufih. Żied li s’issa m’hemmx sitwazzjoni li Malta għandha xi periklu u għaldaqstant, allarmiżmu żejjed ma jagħmel ġid lil ħadd.