PM: Dan il-pajjiż qed jittratta lil uliedu kollha bl-istess mod

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista kkonferma li l-interconnector se jkun qed jaħdem uffiċjalment nhar il-Ħamis li ġej. Semma li dan seta jseħħ wara li personalment kellu jitkellem ma’ żewġ Prim Ministri Taljani, Enrico Letta u dak preżenti, Matteo Rezi biex jinħarġu l-permessi meħtieġa. Dr Muscat qal li l-amministrazzjoni ta’ qabel wegħdet li l-interconnector se jibda jitħaddem sal-2013, iżda nstab li l-anqas permess ma kien hemm.

Il-Prim Ministru semma wkoll li llum, ġimgħa wara li twettqet għal kollox il-wegħda kbira li jorħsu l-kontijiet tad-dawl u ilma għan-negozji, wara li sena ilu raħsu għall-familji, ħadd u anqas l-Oppożizzjoni mhi tqajjem dubju dwar dan.

Dr Muscat qal li l-ġimgħa l-oħra mill-Parlament għaddiet liġi li għalkemm tinteressa ftit nies, dik tal-identità tal-ġeneru, imma hija kwistjoni kif il-pajjiż jistma lil kulħadd l-istess. Qal li jinsab kburi jara l-mezzi tax-xandir internazzjonali jiddeskrivu lil Malta bħala d-dawl li jispira t-tama fid-drittijiet ċivili. Dr Muscat semma wkoll li waqt li l-kap tal-oppożizzjoni s-sena l-oħra astjena fil-vot tal-liġi tal-unjoni ċivili, dil-ġimgħa ma attendiex għall-vot, meta Busuttil stess fuq l-internet qal li se jivvota favur.

Il-Prim Ministru mill-ġdid irrefera għall-aħħar żviluppi fil-każ tar-raġel tal-eks Ministru Giovanna Debono u qal li llum kompla joħroġ it-taħwid tal-Partit Nazzjonalista, meta l-President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, Anne Fenech ammettiet li Chris Said kien ta spjegazzjoni dwar il-każ madwar tliet ġimgħat ilu fil-kumitat tat-tmexxija. Dan wara li l-ġimgħa l-oħra Simon Busuttil qal li ma kien jaf b’xejn u li illum stess Beppe Fenech Adami ukoll qal li ma kien jaf b’xejn u anke ċaħad li Anne Fenech semmiet xi ħaġa.