PM: Malta se tkompli taħdem biex issaħħaħ ir-riżultati tajbin

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-ekonomija Maltija sejra tajjeb u t-tkabbir tagħha huwa erba’ darbiet aktar minn dak taż-Żona Ewro. Madankollu, Malta se tibqa’ ambizzjuża li tkompli taħdem b’innovazzjoni sabiex issaħħaħ ir-riżultati tagħha.

Meta kien qed jindirizza l-Global Citizenship Seminar organiżżat minn Henley and Partners f’Istanbul, Dr Muscat spjega li Malta rnexxielha tikseb tkabbir ekonomiku ta’ 5.2% ‎fir-riżultati tal-aħħar kwart, u li dan huwa fost l-akbar tkabbir ekonomiku li Malta qatt irreġistrat. Fl-istess ħin, ir-rata ta’ qgħad hija l-anqas waħda fl-istorja u t-tieni l-anqas fl-Unjoni Ewropea.

Huwa f’dan il-kuntest li wieħed irid iħares lejn il-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment. Dan huwa programm li permezz tiegħu Malta qed tfittex li twessa’ n-network internazzjonali tagħha, tattira talent u tinċentiva sinerġiji.

Il-Prim Ministru qal li Malta se tkompli tkun innovattiva għax temmen li din hija ċ-ċavetta għas-suċċess.