PN: “Attentat serju u gravi ta’ ‘cover up'”

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal f’konferenza tal-aħbarijiet li l-aħħar żviluppi fil-każ tal-isparatura mill-pulizija xufier tal-Ministru Manwel Mallia, tikkonferma kemm il-pożizzjoni tal-Ministru Manwel Mallia m’għadiex tenibbli.

Beppe Fenech Adami rrefera għal rapporti fil-mezzi tax-xandir li iktar tard wara nofsinhar il-pulzija mistennija tressaq il-Qorti lix-xufier ta’ Manwel Mallia u tixlih b’diversi akkużi  b’rabta mal-każ. Qal li dan l-iżvilupp juri li dan sar bis-saħħa tax-xogħol tajjeb li wettqu ġurnalisti u fotografi li rrapurtaw dak kollu ġara nhar l-Erba’ li għadda.

Dr. Fenech Adami qal li l-Ministru Mallia ma jistax iżomm ‘il bogħod mill-fatti li ġraw bħal li ħarget stqarrija uffiċjali tal-Gvern b’gidba, u li kien id-depot tal-pulizija mal-Aġent Kummissarju fil-mument tal-inċident meta mbagħad ingħataw struzzjonijiet biex titbagħabas ix-xena tar-reat bi ksur ta’ proċeduri.

Il-Viċi Kap Nazzjonalista qal li iktar minn hekk, il-Ministru Mallia ddefenda l-persuna li sparat fuq barrani minħabba inċident tat-traffiku. Dr. Fenech Adami  qal li dawn kollha fatti li juru li dan il-każ hu’attentat serju u gravi ta’ cover up’. Ta’ dan, qal Dr. Fenech Adami il-Ministru għandu jerfa’ r-responsabilità politika.

Dr. Fenech Adami qal ukoll li f’dan il-pajjiż hawn kejl differenti ukoll fil-ġustizzja. Qal li ftit ġimghat ilu, persuna li xejret senter finta fil-Belt ġiet arrestata u nżammet il-ħabs għaxart’ ijiem, u xufier ta’ Ministru spara fil-pubbliku lejn persuna u baqa’ ma tieħdu l-ebda passi wara sitt ijiem.

Il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Intern Jason Azzopardi qal li hu ċar li dan il-każ kien cover-up mill-ewwel. Semma kif suppost il-karozza tal-Ministru inġabret mill-pulizija għall-investigazzjoni iżda l-għada kienet qed tinstaq fit-toroq. Dr. Azzopardi qal li dan sar biex jitneħħew il-provi.

Qal ukoll li l-low loader li ċċaqalqet fuqu  il-karozza tal-barrani qabel saret l-inkjesta kien fuq il-post fi ftit tal-minuti wara l-inċident, meta ħafna drabi l-low loader idum sew ma jasal. Dr. Azzopardi qal li dawn il-fatti jikkonfermaw it-teżi ta’ cover up mill-Gvern u ta’ dan il-Ministru Mallia għandu jitneħħa.

Dwar l-inkjesta li ħatar il-Prim Ministru, Beppe Fenech Adami qal li mhux kompitu ta’ eks ġudikanti li jiġġudikaw dwar ir-responsabilità politika ta’ Ministru. Dr. Beppe Fenech Adami qal ukoll li fl-ewwel test importanti, l-Aġent Kummissarju Ray Zammit falla.