PN: Iż-żieda fil-miżati tal-MATSEC tfisser taxxa fuq l-edukazzjoni

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-edukazzjoni Joe Cassar akkuża lil gvern li daħħal taxxa bil-moħbi meta għolla il-miżati tal-eżamijiet tas-Sec u tal-Matsec.

F’konferenza tal-aħbarijiet barra l-uffiċji tal-Matsec fl-Università, Dr Cassar staqsa għaliex ma sarx studju dwar l-impatt soċjali ta’ dawn iż-żidiet.

Filwaqt li qal li jirrikonoxxi li s-sistemi tal-eżamijiet teħtieġ l-flus biex tkun ta’ livelli professjonali, qal li dawn m’għandhomx jagħmlu tajjeb għalihom l-istudenti u l-familji tagħhom.

Dr Cassar semma kif familja ta żewġt itfal se jħallsu medja ta’ €140 iżjed; u min jagħmel għaxar O levels se jħallas €173 iktar.

Fisser kif iż-żidiet huma proporzjonalment kbar meta mqabbla mal-aġġustament tal-COLA li l-gvern se jagħti bħala kumpens għall-għoli tal-ħajja.

Huwa qal li l-Prim Ministru missu naqqas il-konsulenzi tal-eluf ta ewro, minflok żied il-miżati tal-eżamijiet.

Tabella bil-prezzijiet il-ġodda tal-eżamijiet tal-MATSEC li ppubblika l-PN MATSEC Exam Prices

Intant fi stqarrija l-Gvern qal li s-sitwazzjoni finanzjarja tal-MATSEC idetterjorat fl-aħħar tliet snin b’telf ta’ €402,500 minħabba li s-sistema ma baqgħetx waħda sosstenibbli. Din ma setgħetx tkompli u kellha tiġi indirizzata, speċjalment meta l-MATSEC qegħda tiffaċja żviluppi ġodda fis-sistema tagħha.

Ingħad ukoll li l-eżami vokazzjonali tas-SEC hija alternattiva għall-BTEC, li jiswew mal-€130, u issa studenti li daħlu għal dawn is-suġġetti se jkunu qed jiffrankaw somom kbar meta jiġu biex japplikaw, għax se jħallsu €21, traħħis ta’ €109. Dawn ir-rati huma ukoll orħos minn eżamijiet oħra tal-istess livell li jagħmlu studenti Maltin u Għawdxin.

L-ispejjeż ta’ ezami jinvolvi spejjeż relatati ma’ dawk li jissetjaw l-karti, li jkunu mal-istudenti waqt l-eżamijiet u li jikkoreġu l-karti tal-eżamijiet.

Minkejja dan, dawk il-persuni b’ċertu każijiet soċjali se jibqgħu jgawdu minn din l-għajnuna u mhux se jkun hemm xi piż finanzjarju fuqhom, anzi l-eżamijiet se jibqgħu b’xejn fejn qabel ma kienx jkun hemm ħlas, fuq raġuni soċjali.