PN: Il-politiċi għandhom jimpenjaw ruħhom favur it-tfal

Fil-Jum Internazzjonali tat-Tfal, il-Partit Nazzjonalista ġedded l-impenn tiegħu favur l-ideali u l-oġġettivi tad-drittijiet tat-tfal. Fi stqarrija, l-kelliem għall-familja u s-solidarjetà soċjali, Clyde Puli qal li t-tfal huma l-mimmi t’għajnejn kull ġenitur, u għalhekk, il-politiċi għandhom kontinwament jimpenjaw rwieħhom biex iħarsuhom u biex jagħtuhom kull opportunità li jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom.

Matul l-aħħar snin, tkompli l-istqarrija, il-pajjiż kellu diversi kisbiet fl-interess tat-tfal fosthom l-iffirmar u r-ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni tat-Tfal, it-twaqqif tal-uffiċċju tal-Kummissarju tat-Tfal, is-servizzi għat-tfal ipprovduti mill-Aġenzija Appoġġ, it-twaqqif ta’ Aġenzija Żgħażagħ u l-proviżjoni ta’ servizzi edukattivi u ta’ saħħa mill-aqwa.

Il-Partit Nazzjonalista, ttemm tgħid l-istqarrija, kburi bil-kontribut tiegħu matul is-snin, u fl-istess waqt iħares ‘il quddiem biex ikompli jikkontribwixxi favur politika li tkompli tibni fuq it-tajjeb li diġà hemm fil-qasam tat-tfal. Il-Partit Nazzjonalista jħares ‘il quddiem biex jikkontribwixxi għal liġijiet ġodda li joffru aktar protezzjoni lit-tfal inkluż dawk li qegħdin f’kura barra l-familji tal-oriġini, f’istituzzjoni jew ma’ foster carers.