Il-PN jgħid li Sheehan kien kanvaser tal-Ministru Mallia

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said qal li dalgħodu sar magħruf li l-Ministru Manuel Mallia gideb anke fil-Parlament meta qal li lil Sheehan ma kienx jafu, meta fil-verità kien jakkumpanjah fil-‘home visits’ u kien ikun preżenti fl-attivitajiet politiċi tal-Ministru Mallia. Dr Said qal li dan hu attentat ieħor ta’ ‘cover up’ u anke fuq din il-gidba biss il-Prim Ministru għandu jneħħi lill-Ministru Mallia.

F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista qal li aktar ma jkomplu ħerġin affarijiet bħal dawn, il-każ se jkompli jikkumplika ruħu. Dr Said staqsa fi x’ħin kien l-ewwel darba li l-Ministru Mallia tkellem max-xufier tiegħu u jekk hemm recordings sfida li jiġu ppubblikati. Qal li l-aħħar żviluppi jikkonfermaw li l-Prim Ministru ma jistax jibqa’ sieket u ma jweġibx għall-mistoqsijiet dwar il-każ. Tenna li l-‘cover up’ falla għax il-media laħqet waslet fuq il-post qabel ma tneħħiet il-karozza bil-‘bullets’ fiha.

Il-kelliem għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Jason Azzopardi qal li sa mill-ewwel gimgħat ta din l-amministrazzjoni l-Ministru Mallia beda jigdeb. Huwa semma fost oħrajn id-dikjarazzjoni tal-assi u t-trasferimenti fil-Korp tal-Pulizija u fil-Forzi Armati. Dr Azzopardi qal li f’sena u nofs, il-Ministu qal gidba wara l-oħra biex jgħatti l-gidba preċedenti.

Filwaqt li ddeskriva l-każ bħala saga ta’ gideb, il-kelliem staqsa x’kien l-irwol tal-Kap tal-Kommunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru fil-każ tal-isparattura u x’kommunikazzjoni għaddiet bejn Kurt Farrugia u il-Kummissarju, u bejn Kurt Farrugia u l-Ministru Manuel Mallia.

Żied jgħid li l-Partit Nazzjonalista ħamest ijiem ilu ħareġ dokument li juri s-sehem tal-Kap tal-Komminikazzjoni tal-Prim Ministru fil-‘cover-up’ tal-isparattura u minn dakinhar sal-lum l-Uffiċċju tal-Pim Ministru fl-ebda ħin ma nnegga d-dokument.

Il-kelliema staqsew jekk il-Prim Ministru kienx jaf b’din l-istqarrija qabel ħarġet għall-media u qalu li l-inkjesta magħmula minn eks ġudikanti qatt ma tistax tidentifika min għandu jerfa’ r-responsabilita politika u huwa l-Prim Ministru biss li jista’ jagħmel hekk.