Politika
Pollakki jipprotestaw fit-toroq għax beżgħana li l-pajjiż jista’ joħroġ mill-UE

Eluf ta’ Pollakki ħarġu jipprotestaw fit-toroq tal-pajjiż, fosthom fil-kapitali Varsavja, biex jesprimu t-tħassib tagħhom dwar il-futur ta’ pajjiżhom fl-UE.

Nhar il-Ħamis il-Qorti Kostituzzjonali tal-Polonja kkonkludiet li ċertu artikli tal-liġijiet tal-UE kienu inkompatibbli mal-kostituzzjoni tal-pajjiż u f’dan il-każ il-pajjiż kellu jimxi ma’ xi tgħid il-kostituzzjoni tiegħu.

Id-deċiżjoni tagħha tfisser li hija mhux qed tqis li l-liġi tal-UE tegħleb lil dik tal-pajjiż jekk ikun hemm differenzi bejniethom.

Il-Prim Ministru Mateusz Morawiecki ddefenda d-deċiżjoni tal-Qorti, għalkemm insista li post il-Polonja kien fil-familja tan-nazzjonijiet Ewropej, waqt li l-partit tiegħu qal li ma kellux ħsieb li joħroġ ‘il pajjiż mill-UE.

Madankollu l-Oppożizzjoni u attivisti favur l-UE qed jibżgħu li l-Polonja tista’ tispiċċa toħroġ mill-UE bl-eks-President Pollakk tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk sejjaħ lill-poplu biex jiddefendi l-Polonja Ewropea.

Il-mexxejja ta’ diversi pajjiżi membri tal-UE ikkritikaw id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Polonja.

Il-Kummissjoni Ewropea tista’ tiftaħ proċeduri ta’ ksur ta’ liġi fil-konfront tal-Polonja, kif diġà għamlet kontriha f’każijiet oħra, jew taqta’ fondi li tingħata.

Il-Polonja kienet waħda minn 10 pajjiżi, inkluż Malta, li ssieħbu fl-UE fl-2004.