Pompa tal-petrol f’Ħal Luqa tingħata permess, oħra fil-Mosta rrifjutata

Il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar approva applikazzjonij għal pompa tal-petrol f’Ħal Luqa u rrifjuta l-applikazzjoni għal pompa tal-petrol fil-Mosta.

Fir-rigward tal-pompa proposta f’Ħal Luqa l-applikant indirizza r-raġunijiet kollha għar-rifjut, fosthom li l-applikazzjoni hija prematura min-abba li l-policy dwar il-pompi tal-petrol ser tkun riveduta. Il-perit tal-proġett qal li t-tip ta’ art li fuqha kienet proposta tal-pompa hija addattata għal dan it-tip ta’ proġett u li d-daqs tal-art huwa ta’ 3,000 metru kwadru u mhux aktar, kif indika d-direttorat.

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità, Johann Buttigieg, qal li l-applikazzjoni hija konformi mar-regoli. Ic chairman tal Awtorita tal ambjent qal li l art agrikola mitlufa fil progett hija ta’ aktar minn 3,000 metru kwadru, waqt li nnota li l-pompa f’Tas-Sliema kienet ta’ 500 metru kwadru.

Il-pompa ta’ Ħal Luqa kienet għalhekk approvata b’seba’ voti kontra tlieta.

Fir-rigward tal-applikazzjoni għall-pompa proposta fil-Mosta fiż-żona tal-Blata L-Għolja, id-Direttorat tal-Ippjanar innota li l-applikazzjoni kellha numru ta’ nuqqasijiet, fosthom li s-sit propost ma jidhirx minn triq arterjali u li fis sit hemm diversi strutturi mingħajr permess.

Il-pompa proposta fil-Mosta kienet se ssir minflok pompa li m’għadhiex topera. Iċ-Chairman tal-PA qal li biex issir rilokazzjoni ta’ pompa tal-petrol, il-pompa li tkun ser tiżżarma trid tkun għadha qiegħda topera. Qal ukoll li fir rigward ta’ din il-pompa hemm sentenza tal-Qorti tal-Appell li tgħid li din il-pompa ma tistax topera. Is-sur Buttigieg qal li għal din ir-raġuni, il-pompa ma tistax titqies bħala rilokazzjoni.

Il-bord aċċetta unaniment ir-rakkomandazzjoni tad-Direttorat tal-Ippjanar għar-rifjut ta’ din l-applikazzjoni.

Ara wkoll:

Jappellaw biex ma tkunx approvata pompa tal-petrol f’Ħal Luqa