Pont bejn Malta u Għawdex jiswa biljun ewro

Studju ta’ fattibilità wera li pont bejn Malta u Għawdex jiswa biljun ewro. L-istudju li sar mill-kumpanija Ċiniża China Communications Construction Company jipproponi li l-proġett jitlesta sa sitt snin oħra jiġifieri sal-2020.

F’rapport ippubblikat dalgħodu f’The Sunday Times jingħad li l-Gvern kien ippreżentat b’erba’ għażliet differenti b’waħda minnhom tipproponi li l-pont jgħaddi minn ħdejn Kemmuna.

Il-kumpanija qed tirrakkomanda r-raba’ għażla, jiġifieri pont ta’ 8.8 kilometri b’żewġ karreġġjati għall-karozzi u b’żewġ karreġġjati oħra għall-muturi.

B’din l-għażla l-pont jiltaq mix-xlokk ta’ Għawdex, jaqsam lejn il-lvant ta’ Kemmuna fejn m’hemmx “wisq fond” u jibqa’ sejjer lejn it-Tramuntana ta’ Malta fejn hemmhekk jingħaqad mat-Triq tal-Marfa.

Il-vantaġġi marbuta ma’ din l-għażla huma bosta fosthom li mhu se jkun hemm ebda żvilupp fuq Kemmuna, il-baħar huwa relattivament baxx (fond ta’ 29 metru), huwa ‘l bogħod mir-rotta tal-vapuri, l-ispejjeż tal-kostruzzjoni huma relattivament baxxi u l-estitika hija superjuri.

Mill-banda l-oħra jingħad li l-pont jgħaddi minn żona ta’ protezzjoni marittima u jmiss bi ftit iż-żona tal-pipelines bejn iż-żewġ gżejjer.

L-istudju jissuġġerixxi wkoll diversi mudelli ta’ finanzjament fosthom dak li l-Gvern iħallas il-pont hu waqt li l-kumpanija Ċiniża tieħu ħsieb id-disinn u l-kostruzzjoni tal-proġett.

Għażla oħra hija li l-kumpanija Ċiniża tħallas u tibni l-pont bil-Gvern jagħmel tajjeb għall-ispiża totali flimkien ma’ dħul raġonevoli. It-tielet għażla hija li l-kumpanija Ċiniża tiffinanzja l-proġett kollu hi u tiġbor it-tariffi mingħand dawk li jaqsmu minn fuqu. Proposta oħra hija li l-kumpanija Ċiniża titħallas għall-proġett b’art ekwivalenti fil-valur li fuqha tkun tista’ tagħmel żvilupp primarju u sekondarju.