Lokali
Ponte Ferries se jibda bil-vjaġġi lejn Sqallija bi prezz ta’ €9.99 bla ritorn

Il-kumpanija Ponte Ferries li f’Awwissu li ġej se tibda topera servizz ta’ trasport bil-baħar bejn Malta u Sqallija ħabbret li mil-lum bdiet tbigħ il-biljetti tagħha minn prezz li jibda b’€9.99 bla ritorn.

Permezz tal-katamaran HSC Artemis, mis-6 ta’ Awwissu li ġej, Ponte Ferries se tibda topera vjaġġ ta’ kuljum bir-ritorn lejn il-port ta’ Augusta, fi Sqallija li jinsab qrib sew tal-belt ta’ Katanja.

Il-katamaran li huwa twil 96 metru jista’ jgħabbi sa 600 passiġġier u għandu wkoll spazju biex jgħabbi l-karozzi u t-trakkijiet. Il-katamaran għandu wkoll post speċifiku għall-ġarr tal-annimali (pets), żona għat-tfal żgħar b’superviżjoni u club class lounge li hu state-of-the-art.

Kelliem għall-kumpanija qal li jinsabu ħerqana biex idaħħlu l-kompetizzjoni f’dan is-suq fl-eqqel tal-istaġun tal-btajjel.

Qal li l-konsumaturi se jgawdu minn prezzijiet irħas, imfassla fuq mudell simili għal dawk tal-linji tal-ajru low-cost u li b’dawn il-vjaġġi, it-trasport lejn Sqallija se jsir ħafna iktar faċli, konvenjenti u affordabbli.

Huwa ħabbar ukoll li fiż-żmien li ġej, il-kumpanija se toħroġ vouchers skontati għad-djar kollha f’Malta u Għawdex biex kulħadd ikollu l-opportunità li jipprovaw s-servizz tal-kumpanija.